Coronavirus Lokali

“Is-sagrifiċċji huma l-għodda biex insalvaw il-ħajjiet” – Adrian Delia

"Se jiġi żmien aħjar se noħorġu minn din il-battalja flimkien" - Adrian Delia waqt intervent f'Net News

“Mumenti diffiċli għal kulħadd, ma nistgħux ngħidu ma konniex qed nistennewh għax min dak li qed nisimgħu madwar id-dinja nafu li dan il-mument sfortunatament kien sa jasal.”

Kien dan l-ewwel messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia b’reazzjoni għaż-żewġ imwiet li kellna fl-aħħar sigħat kawża tal-COVID-19.

F’intervent permezz ta’ Skype waqt il-bulettin ta’ Net News, Adrian Delia ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familjari tal-vittmi f’isem l-Oppożizzjoni filwaqt li appella għas-sapport tan-nazzjon bħala poplu wieħed maqgħud.

Adrian Delia qal li dan kollu mhux biżżejjed u rridu nkunu aktar preżenti biex insalvaw il-ħajjiet.

“Importanti li tibqgħu id-dar u ssegwu dak li qed jingħad mill-awtoritajiet tas-saħħa, għamlu telefonati biex inkunu qrib il-maħbubin tagħna. Dawk li m’ghandhomx min jieħu hsiebhom irridu nkunu maghhom.” saħaq il-Kap tal-PN.

B’reazzjoni għas-sitwazzjoni preżenti f’pajjiżna, Adrian Delia qal li ma tistax ma tkunx inkwetat meta qed tiġġieled il-mard. “Għadu imprevedibbli, m’għandnix kura imma nafu biżżejjed biex alinqas ikollna l-essenjzali biex niġġieldu l-virus flimkien.”

Adrian Delia fakkar li kulħadd irid jifhem u jimxi ma’ deċiżjonijiet li tieħu s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika Profs. Charmaine Gauci speċjalment meta nafu li l-COVID-19 huwa virus qattiel.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni stqar li “Ħadd ma jista jgħid li mhux se jolqtu dan il-virus. L-unika arma li baqa’ hi li noqgħodu id-dar u minbarra tindif regolari iżommu l-kuntatt ma ħaddieħor mill-inqas possibli.”

Finalment, Adrian Delia għalaq l-intervent tiegħu b’messaġġ lill-poplu Maltai u Għawdxi fejn saħaq li “dak li taf ix-xjenza llum irridu nobduh.”