Lokali

Konfermati t-tkeċċijiet tal-Air Malta

L-Air Malta kienet għaddejja minn żminijiet ta’ sfida minn qabel ma feġġet il-kriżi tal-Covid-19.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri ikkonferma li l-Air Malta marret għand id-Direttur għax-Xogħol u r-Relazzjonijiet Industrijali bil-ħsieb li jkun hemm numru ta’ sensji – storja zvelata l-Erbgha mis-sit elettroniku NETNEWS.com.mt.

Il-Ministru Schembri qal li l-Air Malta waslet f’dan il-punt għaliex il-unions tal-Cabin Crew u tal-Piloti ma aċċettawx tnaqqis ta’ €1,200 fix-xahar fil-pagi taghhom, u fiċ-ċirkostanzi attwali il-linja nazzjonali tal-ajru ma tistax tkompli toħroġ il-pagi.

Fil-mira tal-Ministru b’mod speċifiku… kienu l-piloti.

Il-Ministru iddefenda l-management tal-Air Malta, b’mod partikolari l-Kap Eżekuttiv Clifford Chetcuti. Hu qal li Chetcuti talab tnaqqis…dejjem skont il-Ministru… ta’ 70% tal-paga u l-perkaċċi li kien intitolat għalihom.

Flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise Kurt Farrugia, il-Ministru Silvio Schembri ta’ rendikont tal-andament tal-miżuri ta’ appoġġ lil ħaddiema u negozji.

B’kollox kien hemm mat-12,800 applikazzjoni għas-suppliment tal-pagi: 75% ta’ dawn huma self-employed u 22% huma kumpaniji bil-kumplament ikunu sħubiji u forom ta’ negozji oħra. Dawn ikopru ftit iktar minn 62,700 ħaddiema; 84% minnhom huma ħaddiema full-time.

Kien hemm 250 applikazzjoni minn intrapriżi għal għajnuna biex postijiet tax-xogħol jinvestu f’remote working u 1,112-il applikazzjoni tal-leave tal-kwarantina għal 2,375 ħaddiem.Intant, fi stqarrija mahruga aktar kmieni, is-Solidarjeta’ Ħaddiema Partit Nazzjonalista esprima solidarjetà ma tant mijiet ta’ ħaddiema li diġa’ qalgħu d-daqqa u ġew issensjati…flimkien ma’ oħrajn li jinsabu mdendlin – ħaddiema tal-fabbriki, fil-qasam tal-avjazzjoni, restoranti, lukandi bars, taxis, self-employed, tal-monti, ħwienet żgħar u tant oħrajn li qed jiffacjaw zmien difficli immens.