L-eks sewwieq tal-Formula 1 Jacques Villeneuve llum jagħlaq 49 sena. Il-Kanadiż, iben l-eks sewwieq Gilles Villeneuve, ilu attiv fil-motorsport mill-1989 bl-aktar żmien li jibqa’ famuż għalih hu bejn l-1996 u l-2006 fil-Formula 1.
Hu ngħaqad ma’ Williams fl-1996 u fl-ewwel Grand Prix ta’ dak l-istaġun kiseb il-pole position fl-Awstralja, bl-ewwel rebħa tasal wara erba’ tlielaq fl-istaġun. F’dak l-istaġun temm il-kampjonat fit-tieni post fl-età ta’ 25 sena. Fl-istaġun ta’ wara, Villeneuve rebaħ seba’ tlielaq minn 17 u assigura mir-rebħ tal-kampjonat wara li għeleb dwell ma’ Michael Schumacher, taqtigħa li baqgħet sejra sal-aħħar tellieqa.
Wara t-tielet staġun ma’ Williams li fih temm il-kampjonat fil-ħames post, il-Kanadiż ingħaqad mat-tim ġdid British American Racing, tim li baqa’ jikkompeti miegħu sal-2003 iżda mingħajr suċċessi. Fl-2004 hu tellaq ma’ Renault flok Jarno Trulli fl-aħħar tliet tlielaq. Fl-2005 ingħaqad ma’ Sauber u dam magħhom sal-aħħar ta’ Lulju tal-2006, bl-aħħar tellieqa tkun fil-Ġermanja meta sfortunatament għalih ma kienx spiċċa t-tellieqa. Hu rtira mill-Formula 1 fl-età ta’ 35 sena.
Hu baqa’ attiv fil-motorsport b’diversi parteċipazzjonijiet fosthom meta spiċċa fit-tieni post fit-tellieqa 24 siegħa ta’ Le Mans fl-2008. Minbarra l-kisbiet fil-Formula 1, Villeneuve sar l-ewwel Kanadiż li rebaħ Indianapolis 500.
//= $special ?>