Coronavirus Futbol Sport

L-Eżekuttiv tal-MFA japprova l-linji gwida tal-FIFA … ftehim bejn il-klabbs tal-Premier dwar il-plejers full-time

(Ritratt: Martin Agius)

Il-Kumitat Eżekuttiv tal-Malta Football Association, approva l-linji gwida maħruġa mill-FIFA. Id-dokument jinkludi fost l-oħrajn, li l-kuntratti jiskadu meta jispiċċa l-istaġun u mhux skont il-kuntratti eżistenti, kif ukoll it-tibdil tal-ftuħ u l-għeluq tas-suq tat-trasferimenti. L-Eżekuttiv tal-MFA qabel li wara li jkun hemm ir-rakkomandazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa, il-kampjonati lokali jkomplu minn fejn ġew sospiżi. Iżda l-kampjonati tal-assoċjazzjonijiet membri fosthom dawk tal-Youth FA mhux se jkomplu.

Intant, l-14-il klabb tal-Kampjonat Premier, irrikonoxxew li l-figuri tas-salarji ta’ kull xahar stabbiliti mill-Gvern, jirrappreżentaw miżura proporzjonata. Il-klabbs ftehmu li jonoraw il-kriterji għall-pagamenti minimi ta’ plejers reġistrati fuq bażi full-time. B’reazzjoni għal dawn id-deċiżjonijiet, il-President tal-MFA Bjorn Vassallo esprima s-sodisfazzjon għal-linji gwida dwar aspetti regolatorji u legali maħruġa mill-FIFA, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-klabbs tal-Kampjonat Premier dwar il-pagi tal-plejers full-time.