Coronavirus Formula 1 Sport

Ross Brawn ottimist li l-kampjonat tal-Formula 1 jinkludi 19-il Grand Prix

(Ritratt: EPA)

Id-Direttur Maniġerjali tal-Formula 1 Ross Brawn, jinsab ottimist li dan il-kampjonat jista’ jsir b’19-il tellieqa, għalkemm ammetta li l-kampjonat jista’ jibda mingħajr spettaturi. Sa issa, l-ewwel disa’ tlielaq tal-istaġun ġew posposti jew ikkanċellati minħabba l-coronavirus. Għalkemm il-Grand Prix li jmiss hi dik ta’ Franza fit-28 ta’ Ġunju, Brawn spjega li aktar hu probabbli li l-kampjonat jibda f’Lulju.

Ross Brawn kompla li jekk ikun hemm tliet ġimgħat ta’ tlielaq b’mod konsekuttiv u ġimgħa mistrieħ, il-kampjonat ikun jista’ jsir b’19-il tellieqa. Ostaklu ieħor hu l-loġistika, bil-probabbiltà hu li l-istaġun jibda fil-kontinent Ewropew, għalkemm hemm ċans li għall-ewwel darba tellieqa ssir mingħajr spettaturi. L-Ingliż ta’ 65 sena żied li dan il-fatt jista’ jżomm l-isport attiv filwaqt li jagħti spettaklu lill-miljuni ta’ nies fi djarhom. Il-minimu biex isir kampjonat tal-Formula 1 hu ta’ tmien tlielaq, filwaqt li teżisti possibbiltà li l-kampjonat jista’ jispiċċa f’Jannar tas-sena d-dieħla.