Bħal-lum 110 snin ilu twieled il-leġġendarju Helenio Herrera. Hu twieled fil-kapitali tal-Arġentina Buenos Aires u kellu karriera bħala plejer iżda wisq aktar bħala kowċ. Bejn l-1931 u l-1945 lagħab bħala plejer u malli rtira qabad il-karriera ta’ kowċ. L-ewwel unur għalih bħala kowċ wasal fl-istaġun 1949/50 meta rebaħ il-kampjonat Spanjol fit-tmexxija ta’ Atletico Madrid, bit-tieni kampjonat jirbħu l-istaġun ta’ wara. Fl-istaġun ta’ wara spiċċa t-tieni post iżda b’sorpriża ħalla l-klabb u ngħaqad ma’ Malaga.
Is-sena ta’ wara ngħaqad ma’ Deportivo La Coruna u bejn l-1953 u l-1957 kien kowċ ta’ Sevilla. Fl-istaġun 1957/58, Herrera mar il-Portugall bħala kowċ ta’ Belenenses iżda wara biss staġun reġa’ rritorna fi Spanja fit-tmexxija ta’ Barcelona. Mal-Katalani rebaħ darbtejn il-kampjonat, it-Tazza tar-Re u darbtejn it-Tazza tal-Fieri (illum l-Europa League).
L-akbar suċċess fil-karriera tiegħu wasal bħala kowċ ta’ Inter. Hu ngħaqad mat-tim Taljan fl-1960 u dam sal-1968 u f’dan iż-żmien ittrasforma lit-tim bit-tattiċi tiegħu. F’dan il-perjodu, rebaħ tliet darbiet il-kampjonat, darbtejn it-Tazza taċ-Champions u darbtejn it-Tazza Interkontinentali. F’dan il-perjodu hu kien ukoll għal perjodu qasir kowċ ta’ Spanja u l-Italja.
Fl-istaġun 1968/69, Helenio Herrera ngħaqad ma’ Roma u f’dak iż-żmien sar l-aktar kowċ imħallas. Fiż-żewġ staġuni mat-tim tal-kapitali Taljana rebaħ il-Coppa Italia. Fl-istaġun 1973/74 hu rritorna għal staġun ma’ Inter iżda sofra minn attakk ta’ qalb u wara li mexxa lil Rimini u Barcelona bejn l-1978 u l-1981, iddeċieda li jirtira. Fis-snin ta’ wara, Herrera kien kummentatur ta’ avvenimenti sportivi u miet fid-9 ta’ Novembru tal-1997 kawża ta’ attakk ta’ qalb.
//= $special ?>