Atletika Sport

Bħal-lum 124 sena saret l-ewwel maratona fl-Olimpjadi

Wieħed mill-aktar avvenimenti importanti fl-ewwel edizzjoni tal-Olimpjadi Moderni fl-1896 kienet il-maratona. Din saret proprju 124 sena ilu f’Atendi, il-post fejn l-Olimpjadi reġgħu ħadu l-ħajja. L-idea oriġinat minn Michel Brèal li kien ispirat mil-leġġenda Griega.

Il-korsa kienet minn tarf ta’ Maratona sal-istadium Panathinaikos ta’ Ateni u t-tul tal-maratona kienet ta’ madwar 40 kilometru. B’kollox kien hemm 25 atleta li vjaġġaw lejn Maratona, iżda kienu biss 17 li bdew it-tellieqa. Il-maġġoranza tal-atleti kienu Griegi flimkien ma’ atleta mill-Ungerija, minn Franza, mill-Istati Uniti u l-Awstralja.

Il-Franċiż Albin Lermusiaux ħa l-vantaġġ kmieni, b’Edwin Flack u Arthur Blake kienu jinsabu warajh, b’tal-aħħar jirtira ftit wara nofs it-tellieqa. Wara 32 kilometru, Lermusiaux irtira wkoll u ħalla lil Flack fil-kmanda tat-tellieqa. Spyridon Louis beda jnaqqas id-distakk u minħabba li l-Awstraljan Flack beda jgħajja, spiċċa biex naqqas il-veloċità u rtira b’madwar ħames kilometri għat-tmiem.

Fl-istadium kien hemm tensjoni għaliex ċiklist wasal bl-aħbar li Flack kien għadu fil-quċċata. Il-folla preżenti reġgħet imtliet bl-entużjażmu meta messaġġier ieħor wasal bl-aħbar li l-Grieg Spyridon mar fuq quddiem. Il-Prinċpijiet Kostantinu u George saħansitra akkumpanjaw lil Spyridon sal-linja finali.

Louis tħalla waħdu fuq quddiem biex temm fl-ewwel post f’ħin ta’ sagħtejn 58 minuta u 50 sekonda. Din it-tellieqa tat doppjetta Griega hekk kif Charilaos Vasilakos daħal fit-tieni post ftit aktar minn seba’ minuti wara Louis. Nofs minuta wara daħal Spyridon Belokas li temm qabel Gyul Kellner. L-Ungeriż ipprotesta minħabba li skont hu Belokas għamel parti mit-tellieqa fuq karozzella. Il-protest intlaqa’ u Belokas ġie skwalifikat.