Fl-aħħar 24 siegħa saru 900 swab li minnhom 13 irriżultaw fil-pożittiv. B’hekk issa t-total f’Malta ta’ persuni pożittivi għall-COVID-19 jitla’ għal 350.
Fost il-każjiet hemm tifel Sirjan ta’ 8 snin li jgħix Malta. Huwa nstab pożittiv mill-eżamijiet li qed isiru qabel persuna tidħol l-isptar.
F’Għawdex instabu tliet każijiet pożittivi. L-ewwel każ hu ta’ mara anzjana ta’ 83 sena li kienet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Hi għandha kundizzjonijiet mediċi oħrajn iżda tinsab f’qagħda ta’ saħħa tajba. Instabu wkoll żewġ każi pożittivi mill-istaff f’ward ewlenija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex – mara ta’ 57 u raġel ta’ 60.
Instabet ukoll pożittiva anzjana ta’ 88 sena residenti f’San Vincenz de Paul li għandha diversi problemi mediċi kif ukoll anzjana oħra tal-istess età li daħlet l-isptar bi qtugħ ta’ nifs.
Każ ieħor kien ta’ raġel ta’ 26 sena health care worker f’Karen Grech li nstab ukoll pożittiv. Filwaqt li mill-isptar Zammit Clapp instabu pożittivi 2 ħaddiema – Raġel ta’ 53 sena u mara Maltija ta’ 51 sena.
Mara ta’ 29 sena health care worker, li kienet fi kwarantina għax kien f’kuntatt ma’ pazjent.
L-aħħar tliet każi kienu ta’ anzjana ta’ 66 sena, mara ta’ 34 sena u raġel Malti ta’ 39 li kien għadu qed imur għax-xogħol meta ħass sintomi.
Il-Professur Charmaine Gauci qalet li t-tarbija ta’ xahar li kienet ittestjat pożittiv aktra kmieni din il-ġimgħa, tinsab fi stat ta’ saħħa tajba
Is-Supritendent tas-Saħħa Pubblika tenniet l-appell tagħha sabiex il-poplu Malti u Ghawdxi ma joħrogx, ħlief għall-bżonn.
Intant Net News staqsa lil Profs. Gauci dwar meta se jingħata l-ilbies protettiv lill-ħaddiema li jaħdmu fl-isptar Monte Carmeli u Karen Grech u kif ukoll lill-Qwiebel li jaħdmu fl-isptar Mater Dei.
“Dan jingħata skont l-assesment li qiegħed isir…. nagħtu dan l-apparat skont il-kuntatt li dan il-persuna se jkollu”.
F’Għawdex jinġabru mas-€36,000 għax-xiri ta’ ventilator
Sar magħruf illi f’Għawdex diġa’ nġabru madwar 36,000 ewro għax-xiri ta’ ventilator biex dan ikun jista’ jintuża fl-Isptar Generali – inizjattiva xprunata mill-Isqof Mario Grech. Fl-aħħar sigħat tkellmet ukoll bint l-anzjana Għawdxija li kienet l-ewwel vittma tal-Covid-19.
F’messaġġ emozzjonanti fuq il-media socjali, hi mhux biss esprimiet id-dieqa tal-familja f’dan il-mument diffiċli, iżda qalet li l-mewt ta’ ommha ħalliet vojt kbir li xejn ma jista’ jimlih.
//= $special ?>