Wara diversi tentattivi falluti, il-ministri tal-finanzi tal-UE qablu fuq pakkett ta’ €540 biljun biex jappoġġjaw l-istati membri, kumpaniji u ħaddiema fil-kriżi li ġabet magħha l-imxija tal-coronavirus.
Dan wasal wara li l-Olanda u l-Italja għelbu d-differenzi tagħhom biex kull stat qabel dwar il-pakkett madanakollu għadu mhux ċert kif se jinqasam dan l-ammont u kif se tibbenifika Malta. Dan mistenni jkun diskuss fil-jiem li ġejjin.
Kollox jiddependi fuq kemm se jkun insistenti l-Gvern Malti għaliex kull pajjiż membru se jieħu l-fondi b’modi differenti.
Xi fondi ser ikunu qed jingħataw ukoll f’forma ta’ self jew garanzijji.
Fi kliem sempliċi kollox jiddependi mill-Gvern Malti u l-mod kif se japplika għal dawn il-fondi, jew kif se juża fondi ewropej li ma ntużawx direttament fis-saħħa u l-ekonomija ta’ pajjiżna.
S’issa l-Gvern għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija biex jagħti idea kemm se jkun l-ammont jew kif se jipprova jġib l-aqwa pakkett għall-Maltin u l-Għawdxin.
Il-ftehim intlaħaq il-Ħamis filgħaxija wara sensiela intensa ta’ kuntatti bilaterali li pposponew il-bidu tat-telekonferenza b’aktar minn erba’ sigħat.
L-abbozz wara ħafna reżistenza ġie appoġġat mill-Italja u Spanja, iż-żewġ pajjiżi l-aktar milquta mill-coronavirus fost l-istati membri.
Il-Ġermanja u Franza appoġġaw l-isforzi ta’ medjazzjoni tal-President tal-Eurogrupp Mario Centeno, wara li telekonferenzi oħra li ma wasslu għall-ebda fethim ħadu madwar 16-il siegħa matul il-ġurnata tal-Erbgħa.
//= $special ?>