Skont sorsi li tkellmu ma’ NET NEWS, għad ta’ dgħajjes bl-immigranti fuqhom jinsabu fi triqithom lejn Malta.
Membri tal-AFM issejjħu għas-salvataġġ ta’ nurmu ta’ immigranti, ftit tas-sigħat biss wara li fl-Isla matul il-lejl iddaħħal grupp ta’ 64.
Kien dan l-istess sit illi ilbieraħ b’mod esklussiv wassal l-aħbar tal-wasla ta’ dawn l-immigranti. Il-Gvern mhux biss ikkonferma li l-immigranti kienu se jiddaħħlu Malta, iżda qal li mhux se jdaħħal aktar persuni li jiġu salvati fuq il-baħar.
Għalhekk, stqarrew is-sorsi tagħna, huwa stramb ħafna kif dalgħodu l-AFM reġgħu ħarġu fuq sejħiet ta’ immigranti li jinsabu bejn sema u ilma.
Il-kriżi tal-immigrazzjoni tant eskalat matul din il-ġimgħa li l-Prim Ministru Robert Abela kellu jsejjaħ laqgħa urġenti tal-Kabinett.
Stqarrija minn Kastilja
Intant illejla l-Gvern ħareġ stqarrija li fiha ma ċaħad xejn minn dan ir-rapport li ppubblika dalgħodu dan is-sit.
Ġie konfermat li l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri kellhom numru ta’ taħdidiet kemm fuq livell Ewropew u anke mal-Libja.
Matul it-taħdidiet kollha, il-ministri saħqu li fis-sitwazzjoni preżenti, ir-riżorsi kollha tal-pajjiż, b’mod speċjali l-korpi dixxiplinati u l-awtoritajiet tas-saħħa, qed jaħdmu qatigħ biex isalvaw il-ħajjiet fuq l-art, u żgur li “ma jistgħux jiggarantixxu li jsalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar”.
Iżda minkejja dak li qal il-Gvern, xorta alloka riżorsi (numru ta’ suldati) li kmieni dalgħodu issejħu xogħol biex joħorġu fuq patrol boat minħabba l-vjaġġi ta’ immigranti.
//= $special ?>

