Ittra mir-residenti bl-appoġġ tal-Kunsilli ta’ Pembroke, San Ġiljan u Swieqi flimkien ma’ numru ta’ ngo’s
Aħna, bħala grupp ta’ residenti ta’ Pembroke, bl-appoġġ ta’ tliet Kunsilli Lokali u għaxar għaqdiet, nilqgħu l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela li l-Gvern se jara li jkun hemm bilanċ bejn l-ambjent u l-bini fil-pajjiż. Għalina dan ifisser li l-Gvern irid iħares il-kwalità tal-ħajja tar-residenti u dawk kollha li jiffrekwentaw l-inħawi ta’ Pembroke.
Il-proġett tad-DB flok l-ITS f’Pembroke huwa l-iktar proġett li qatt saru oġġezzjonijiet kontrih. 5000 ruħ kienu oġġezzjonaw għall-ewwel applikazzjoni u 6000 ruħ oġġezzjonaw għat-tieni applikazzjoni wara li l-Qorti ħassret il-permess biex jinbena. Il-Kunsill Lokali ta’ Pembroke oġġezzjona għal dan il-proġett u kien il-vuċi ewlenija tagħna r-residenti.
Kif kienet qalet l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta l-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex, permezz tal-president, is-Sur Mario Fava, il-proġett tad-DB jagħmel ħsara irreparabbli lill-kwalità tal-ħajja tan-nies. Inutli jkollna proġett li jgħid li se jiġġenera l-attività ekonomika meta nafu li se jħarbat il-ħajja tan-nies minflok joħloq il-ġid. Dan ċertament mhux eżempju ta’ proġett li jrid isib bilanċ bejn l-ambjent naturali, l-inħawi fejn jgħixu n-nies u l-industrija tal-bini.
Bħala residenti naqblu mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali li meta jerġa’ jiġi diskuss mill-Awtorità tal-Ippjanar dan il-proġett mostruż, mal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke għandu jkun hemm fil-bord tal-ippjanar iż-żewġ kunsilli l-oħrajn li se jintlaqtu l-aktar biex tissaħħaħ il-vuċi tan-nies komuni.
L-inħawi ta’ Pembroke diġà ilhom is-snin isofru minn konġestjoni kbira ta’ traffiku u dan il-proġett tad-DB, flimkien ma’ proġetti oħrajn ta’ bini insostenibbli fl-inħawi, se jkabbru din il-problema u joħolqu staġnar fit-traffiku u tniġġis kbir fl-arja.
Aħna naqblu mal-pjan li kien tfassal bħala parti mill-proġett tat-TEN-T biex issir mina taħt Triq Sant’Andrija. Dan jista’ jagħmel ġid kbir lil min jgħix fl-inħawi tagħna u lill-eluf ta’ nies li jgħaddu minn hemm kuljum.
Min-naħa l-oħra, nemmnu li dak li qiegħda tipproponi Infrastructure Malta llum jeħtieġ jiġi mmodifikat sostanzjalment sabiex jaġevola aktar lir-residenti, u anqas lill-kumpless tal-Corinthia u lil DB Group u t-torrijiet li jridu jibnu, li jekk jiġu approvati se jkabbru sew il-problemi ambjentali, a spejjeż tal-poplu li għalih mhux biss ser iħallas b’saħħtu, imma anke b’butu. Fuq kollox jeħtieġ tinstab soluzzjoni alternattiva għall-bini ta’ toroq fuq dik li sa llum għadha kampanja fl-akkwata ta’ San Patrizju.
Għaldaqstant inħeġġu lill-Prim Ministru u lill-Gvern, anki fid-dawl tar-rapport kritiku ħafna tal-Awditur Ġenerali dwar il-bejgħ tal-art pubbliku inkwistjoni, biex ikompli jagħti prijorità lill-ġid komuni u l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Inutli li jkollna l-bini fi nħawi li ma jifilħux għalih u minflok ġid jagħmel ħsara irreparabbli lill-ambjent u lil saħħitna.
//= $special ?>