Lokali

Ħaddiema fis-settur tal-gaming se jitilfu l-impjieg tagħhom

Il-kumpanija tal-gaming Kindred Group li għandha liċenzja biex topera f’Malta, se twaqqaf l-impjieg ta’ 75 mill-impjegati tagħha mill-uffiċċji tagħha madwar id-dinja u wħud mit-tkeċċijiet se jaffettwaw numru ta’ ħaddiema Maltin. Dan kien ikkonfermat minn kelliem tal-kumpanija.

Filwaqt li enfasizza li d-deċiżjoni ma kellha l-ebda konnessjoni mal-pandemija COVID-19, il-kelliem qal li l-grupp kien qed jissimplifika l-operazzjonijiet tiegħu u jnaqqas l-ispejjeż fejn meħtieġ.

Skont artiklu li deher fuq is-sit timesofmalta, jidher li ser ikun hemm is-sensji ta’ grupp żgħir ta’ impjegati li jaħdmu fl-uffiċċju tal-kumpanija f’Tigne Point.

Hawn Malta, ma din il-kumpanija hawn madwar 400 impjegat filwaqt li l-kumpanija għandha 13-il uffiċċju mifruxa madwar l-Ewropa, l-Istati Uniti u l-Awstralja. Il-postijiet ewlenin huma Malta, Ġibiltà, Londra u Stokkolma.

Jidher li f’Malta hawn grupp żgħir ta’ 75 impjegat li huma fir-riskju ta’ tkeċċija u dawn l-individwi huma mifruxa fuq ħafna mis-swieq tagħna. Din l-azzjoni ssegwi komunikazzjoni preċedenti dwar il-prestazzjoni finanzjarja tal-grupp matul l-2019 u azzjoni sussegwenti biex tiżdied l-effiċjenza u jitnaqqsu l-ispejjeż operattivi fin-negozju.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni formali se jibda aktar tard dan ix-xahar u se jsegwi l-liġijiet lokali dwar l-impjiegi.

Kindred Group hija waħda mill-iktar kumpanija tal-gaming b’saħħithom li joperaw f’pajjiżna.