Coronavirus Festi Knisja Kultura Lokali Saħħa

“Il-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira baqgħu ġewwa”

Il-Maltin jiċċelebraw il-Ġimgħa l-Kbira fi djarhom

Il-viżti quddiem Ġesù Sagramentat fis-Sepulkru, id-damask iswed fil-knejjes, ir-riħa tal-borma, il-ħsejjes kiebja tal-marċi funebri, taċ-ċuqlajta u t-tnabar, it-tkaxkir tal-ktajjen, bosta pesunaġġi b’vestwarju mill-ġrajja tal-passjoni, it-taħbita għall-forċina fil-purċissjonijiet – dawn huma uħud mill-karatteristiċi li jżewwqu jum il-Ġimgħa l-Kbira f’pajjiżna li għal din is-sena, il-Maltin kienu nieqsa minnhom fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19.

Il-knejjes baqgħu għera mit-tiżjin kollu b’rabta ma’ dawn iż-żminijiet kif baqgħu ukoll it-toroq u l-pjazzez, għajr għall-bnadar fuq il-bjut li tniżżlu mezza lasta.

Dan għajr għall-armar sempliċi, fosthom is-sepulkru u xi korp ta’ Kristu Mejjet jew statwa ta’ Marija Addolorata, sabiex is-saċerdoti jkunu jistgħu jqaddsu l-funzjonijiet fil-knejjes privatament. Fil-Mosta, fost l-oħrajn, il-Vara Kbira ntramat fil-bieb il-kbir għall-qima tal-popolin.

NET News iltaqa’ mal-President tal-Kulleġġ tal-Kappillan, il-Kanonku Mario Mangion, li tkellem magħna dwar kif il-Parroċċi, partikolarment dawk li għandhom li għandhom il-Purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid il-Kbir, kellhom jaddattaw iċ-ċelebrazzjonijiet għall-pariri tal-Awtoritajiet tas-saħħa.

Aħna ilna mit-12 ta’ Marzu niċċelebraw il-quddies bil-bibien magħluqa biex kemm jista’ jkun ma niġbrux nies flimkien. Ħafna mill-pastorali tagħna nbidlet u twaqqfet ħesrem, fosthom iż-żjajjar u t-tqarbin tal-anzjani flimkien mat-tberik tal-Għid. Hekk l-istess il-festi tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid. Kienet bidla emottiva għaliex il-ħidma tagħna hija mal-poplu u spiċċajna nikkomunikaw bil-mezzi soċjali, li konna għadna ma esplorajniex biżżejjed.”

Ritratt: Matthew Tabone

Fil-vesti tiegħu ta’ Arċipriet tal-Kolleġġjata ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi, il-Kanonku Mangion, saħaq li n-nuqqas ta’ atmosfera fil-Parroċċa Ġorġjana, sinonima mal-Ġimgħa Mqaddsa, bidlet ir-rutina tal-Qriema ta’ taħt fuq u ħolqot spirtu emottiv u riflettiv fid-djar tal-familji Qriema dwar is-sinifikat veru ta’ dawn il-jiem qaddisa:

L-għeruq tal-Ġimgħa l-Kbira f’Ħal Qormi huma u għalhekk il-preparazzjoni organizattiva tkun bdiet sew sa minn Jannar. L-armar fil-knisja kien diġà beda, id-damask kien lest u l-vari bdew ħierġin waħda waħda. B’din l-imxija kellna nbidlu l-istruttura taċ-Ċelebrazzjoni tal-Għid, b’funzjonijiet b’bibien magħluqa u l-purċissjonijiet ma jsirux. Il-Ġimgħa l-Kbira ma tħassritx u lanqas l-Għid. Tħassru l-attivitajiet esterni u l-fatt li ma nistgħux niċċelebraw man-nies. Qegħdin niċċelebraw b’mod differenti fi knisja siekta, kontra għal dak li mdorrijin bi knisja miżgħuda bin-nies iduru u jitolbu. Din il-Ġimgħa l-Kbira qed itina ċans inneżgħuha mix-xinxilli tas-soltu biex nisktu ftit mill-ġenn u nirriflettu.”

Din kellha tkun Ġimgħa l-Kbira speċjali għall-Qriema Ġorġjana, mhux biss minħabba s-sehem tal-Kapitlu il-ġdid tal-Kolleġġja, iżda għaliex kellha tiżżanżan vara ġdida għas-sett tal-Ġimgħa l-Kbira, dik ta’ Kristu Quddiem is-Sinedriju, xogħol Aaron Camilleri Cauchi.

Il-hidma pastorali tas-saċerdoti kellha taddatta ruħha ukoll għar-realtà virtwali biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ kuntatt uman fil-pastorali. Ghalhekk, ħafna huma l-Parroċċi li qed jitrazmettu l-funzjonijiet iċċelebrati privatament fuq il-mezzi socjali u anki fuq ir-radji tal-komunitajiet biex jilhqu lill-parruccani fi djarhom.

Ritratt: Matthew Tabone