Coronavirus Internazzjonali Lokali

“Kienet daqqa għall-Italja” – Beniamino Vignola

Is-sitwazzjoni fl-Italja qed taqleb għall-aħjar, u fl-aħħar qed jidher xaqq ta’ dawl. Hekk qal Beniamino Vignola, eks plejer ta’ Juventus f’kummenti li għadda waqt il-programm NETLIVE.

Vignola bħalissa qed joqgħod fil-Veneto, ftit ‘il bogħod minn fejn kien l-epiċentru ta’ din il-pandemija.

“Is-sitwazzjoni preżenti qed terġa’ tiġi lura għan-normal, fl-aħħar qisu qed naraw ftit xaqq ta’ dawl. Jien ngħix Verona, aħna ninsabu fil-Veneto, ninsabu ftit ‘il bogħod mill-epiċentru tal-Coronavirus.”

Huwa stqarr li x-xahar ta’ Marzu kien xahar diffiċli ħafna minħabba din l-imxija fejn fost l-oħrajn ġiet affetwata il-ħajja ta’ kuljum tan-nies, u anke l-impjiegi fil-pajjiż ġar tagħna.

“Ix-xahar kollu ta’ Marzu kien xahar ristrett ħafna għalina, mhux biss kien xahar ta’ problema għax-xogħol tagħna iżda wkoll għall-ekonomija.”

Huwa qal li l-Gvern Taljan wiegħed li se jgħin lill-ħaddiema u lil dawk kollha affetwati mill-Covid-19.

“Il-Gvern ħabbar u bdew l-għajnuniet min-naħa tiegħu, nittamaw li dawn il-wegħdiet li ntqalu issa jsiru fil-prattika.”

Intant l-eks plejer Juventin spjega kif ġie affetwat il-kampjonat Taljan u l-futbol b’mod ġenerali.

“Id-dinja tal-futbol wieġbet b’responsabbiltà… twaqqfu l-kampjonati, u hemm ħsibijiet li jiġu fi tmiemhom il-kampjonati iżda m’hemmx dati konfermati.

Twaqqaf il-logħob Ewropew, inkluż il-EURO 2020 u ġew anki posposti l-Olimpjadi…. Dawn wara kollox huma affarjiet li riedu jiġru għax il-prijorità bħalissa hija s-saħħa tan-nies.”

Hu għalaq il-kollegament billi awgura lill-Maltin u l-Għawdxin l-Għid it-Tajjeb u biex nibqgħu nieħdu ħsieb saħħitna.