Lokali

Robert Abela juża l-media laburista biex jiġġustifika d-deċiżjoni dwar l-immigranti

"Hemm ħafna dgħajjes resqin lejn Malta" - Robert Abela

Il-Prim Ministru Robert Abela illejla uża l-media laburista – fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira – biex jipprova jiġġustifika l-fatt li tard bil-lejl daħħal f’pajjiżna grupp ta’ 64 immigrant.

Abela ikkonferma ukoll l-istorja esklussiva ta’ NET NEWS li din il-ġimgħa hu laqqa’ b’mod urġenti l-Kabinett minħabba l-kriżi tal-immigrazzjoni li qed jiffaċja bħalissa l-baħar Mediterran.

“Din id-dgħajsa bl-immigranti ddaħlet għax kienet fiz-zona SAR ta’ Malta”, qal Abela.

F’intervista fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista, fejn deher ferm anzjuż, il-Prim Ministru qal illi l-pajjiż irnexxielu jżomm għexieren ta’ dgħajjes.

Robert Abela kellu jammetti li ttieħdet deċiżjoni li jilqa’ l-immigranti.

Qal ukoll li hemm bosta dgħajjes bl-immigranti resqin lejn Malta, f’konferma ta’ storja oħra li ppubblika aktar kmieni dan l-istess sit fejn ħabbarna li l-AFM reġgħet ħarġet fuq operazzjoni marbuta mal-immigranti kmieni dalgħodu.

Dwar l-imxija tal-Coronavirus, Robert Abela qal li bħalissa ninsabu fi gwerra, b’ripetizzjoni tal-kliem li l-Kap tal-PN Adrian Delia ilu li qalu ġimgħat twal ilu.

Intant, din kienet l-ewwel dehra pubblika tal-Prim Ministru din il-ġimgħa, wara li pajjiżna beka l-ewwel żewġ vittmi li mietu kaġun tal-Covid-19. Dwar dan, l-ebda kelma minn Robert Abela.

Fl-għeluq tal-intervista, Robert Abela illum appella għad-dixxiplina rigward is-sitwazzjoni tal-Coronavirus wara jiem sħaħ jgħid li “nistgħu noħorġu għal mixjiet”. Issa, saħaq li lest ikun aktar iebes minn nhar it-Tnejn li ġej.