Coronavirus Festi Kultura Lokali Mużika

Storbju u kant mill-gallariji għada fid-9pm fil-Birgu

Il-'Begigga' se tinżamm għada xorta waħda iżda b'differenza

Il-‘Begigga’, tradizzjoni antika marbuta b’mod speċjali mal-Birgu, għada se ssir mill-ġdid iżda b’differenza hekk kif din it-tradizzjoni, li tmur lura għal aktar minn 100 sena, se tinżamm fil-gallariji tad-djar kollha Ġirbin minħabba l-COVID-19.

Il-Ġirbin huma mħeġġa joħorġu fil-gallariji, bjut, twieqi u apparti li jixgħelu l-faċċati, jagħmu l-istorbju tas-soltu għall-ħabta tad-9pm.

Din it-tradizzjoni sseħħ b’mod speċjali mal-lejl ta’ bejn is-Sibt u Ħadd-il Għid fejn oriġinarjament, grupp ta’ nies b’mod spontanju jinġabru fil-pjazza tal-Belt Vittoriosa b’ammont ta’ oġġetti, fosthom katuba, u jduru mat-toroq tal-lokal f’nofs ta’ lejl jagħmlu l-istorbju.

Din it-tradizzjoni kienet bdiet meta xi ħadd li kellu l-laqam ‘Begigga, insterqitlu l-mogħża lejlet l-Għid, u t-tfal tal-Birgu kienu ħarġu jkantaw u jdoqqu bil-katuba wara l-quddies ta’ Sibt il-Għid.

Fl-2016, din l-attività spontanja bdiet issir bil-permess tal-Pulizija wara li fis-snin preċedenti, kienet f’riskju li tispiċċa darba għal dejjem. Fl-2015 kienu ttellgħu żewġ persuni l-Qorti mħarrka fuq akkużi li m’applikawx biex jinġabru f’ġemgħa, li għamlu attività pubblika mingħajr permess, li kisru l-mistrieħ tan-nies u li kisru l-paċi pubblika b’mod volontarju.

Huma kienu nħelsu mill-akkużi minħabba li l-Prosekuzzjoni ma niżżlitx id-data ta’ meta dawn ħadu sehem fil-Begigga.