Coronavirus Lokali

Xogħol kruċjali mill-Pulizija; 51 ċitazzjoni mid-Distrett ta’ Buġibba

Ħafna huma irrabjati għall-mod li bih qed jaġixxu ċertu nies, li qed jibqgħu joħorġu fi gruppi

Fil-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, diversi persuni ġew immultati mill-Pulizija minħabba li kienu miġbura fi gruppi ta’ nies.

Fl-aħħar 24 siegħa jidher li b’kollox ħarġu 59 ċitazzjoni, li l-maġġoranza assoluta tagħhom ingħataw fiz-zona ta’ Buġibba. Fil-fatt, mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Buġibba ingħataw 51 ċitazzjoni.

Bħalissa huwa illegali li tinġabar fi grupp ta’ aktar minn erba’ persuni, sakemm dawn ma jkunux jgħixu fl-istess indirizz.

Ovjament, ħafna persuni qed jistennew infurzar akbar f’diversi zoni oħra – għalkemm ir-realta’ hi li r-riżorsi tal-Pulizija huma diġa’ eżawriti minħabba l-pressjoni li ġabet magħha l-imxija tal-Coronavirus.

Jidher illi fil-Bajja tar-Riviera ma ingħataw ebda ċitazzjonijiet minħabba li ħafna minn dawk miġbura kienu familji.

Rapporti jistgħu jsiru fuq in-numri 22944504 u 22944511.