11 TA’ APRIL 2003
Is-sewwieq ta’ Jordan Giancarlo Fisichella ġie ddikjarat rebbieħ tal-Grand Prix tal-Brażil li saret il-Ħadd ta’ qabel. Dan wara li l-FIA dawret id-deċiżjoni tar-riżultat oriġinali ta’ dakinhar. Kimi Raikkonen ta’ McLaren li oriġinarjament rebaħ il-Grand Prix, ġie relegat għat-tieni post wara laqgħa bejn l-istewards tat-tellieqa fil-kwartieri tal-FIA. Id-deċiżjoni kienet riżultat ta’ diskrepanza fil-ħin, xi ħaġa li qatt ma ġrat fl-istorja tal-Formula 1 sa dakinhar.
It-tellieqa ta’ 71 dawra fiċ-ċirkwit ta’ Interlagos twaqqfet wara żewġ ħabtiet li ħallew iċ-ċirkwit mimli tifrik. Taħt is-sistema tal-countback, ir-rebbieħ ġie ddikjarat is-sewwieq li kien fuq quddiem żewġ dawriet qabel il-waqfien. Fisichella li l-karozza tiegħu ħadet in-nar wara li twaqqfet it-tellieqa, kien qabeż lil Raikkonen fl-54 dawra. Id-deċiżjoni ħadet żvolta minħabba li Fisichella kien beda dawra oħra mill-55 li tħabbru dakinhar tat-tellieqa.
Bit-tibdil fir-riżultat, Raikkonen li kien kiseb l-ewwel rebħa fil-karriera fil-Grand Prix ta’ qabel fil-Malasja, kellu vantaġġ ta’ disa’ punti fuq sieħbu David Coulthard u 16-il punt fuq Michael Schumacher ta’ Ferrari. Fil-Grand Prix tal-Brażil, Coulthard baqa’ fir-raba’ post filwaqt li Schumacher kien kostrett li jirtira.
Fi stqarrija tat-tim, Giancarlo Fisichella qal li jinsab kuntent li l-FIA u kulħadd irrikonoxxew li hu rebaħ il-Grand Prix tal-Brażil. “Jien kont diġà ħsibt li dan kien il-każ u t-tim emmen mill-ewwel. Fl-aħħar ġranet meta l-evidenza ġiet ippreżentata, konna nafu li veru u bdejna nittamaw li ssir uffiċjali.” Fisichella tkellem ukoll dwar id-diżappunt li ma kellux il-mument tiegħu fil-quċċata tal-podju. Din kienet l-ewwel rebħa fil-karriera għal Fisichella wara 110 Grand Prix filwaqt li t-tellieqa kienet il-200 waħda għat-tim tiegħu Jordan.
//= $special ?>