Fl-aħħar 24 siegħa saru 1,288 swab li minnhom 20 irriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19. B’hekk, it-total f’pajjiżna issa tela’ għal 370. B’kollox s’issa saru 16,016-il swab.
Miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far ħarġu li 10 irġiel huma pożittivi għall-virus. Dawn ittieħdu f’iżolazzjoni mill-kumplament tar-residenti. Il-Professur Charmaine Gauci qalet li qed jieħdu ħsieb li s-sitwazzjoni ma tigravax la fiċ-ċentru u lanqas ikun hemm tixrid barra miċ-ċentru.
Il-kumplament tal-każi huma tliet Għawdxin, Albanija ta’ 31 sena u Għawdxija ta’ 30 sena, it-tnejn jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, u raġel ta’ 33 sena li ħareġ pożittiv wara li kien qed isir contact racing minħabba li kien f’kuntatt każ pożittiv.
F’Malta ħarġu pożittivi mara ta’ 22 sena li taħdem fl-Isptar Karen Grech u mara oħra ta’ 32 sena li taħdem bħala care worker fil-komunità.
Mara Maltija oħra ta’ 63 sena ħarġet pożittiva iżda l-contact racing hu minimu peress li l-persuna ma taħdimx. L-istess seħħ hekk kif raġel ta’ 61 sena li wkoll ma jaħdimx.
Studenta ta’ 21 sena ħarġet pożittiva wara li marret tagħmel xirja minn ħanut fejn kien hemm ħaddiem pożittiv. Jidher li din żaret qraba anzjana tagħha meta kellha s-sintomi, iżda s’issa l-ebda sintomi għadhom ma ħarġu minn naħa tal-anzjana.
Raġel ta’ 33 sena ħareġ pożittiv wara li kien imsiefer u ħarġulu xi sintomi fl-aħħar jiem. Hu wkoll żar l-istess ħanut.
Il-Professur Gauci apellat biex wieħed ma jmurx iżur nies vulnerabbli iżda jekk hemm bżonn li ssir xi xirja essenzjali, titħalla wara l-bieb u jiġi evitat il-kuntatt.
L-aħħar persuna kienet l-anzjan li miet matul il-ġurnata wara li nstab pożittiv.
Wara li kienu nnutati diversi persuni li l-bieraħ marru fuq il-bajjiet, il-Professur Gauci qalet li dan hu riskju kbir u b’hekk komplit tappella biex in-nies ma joħorġux ħlief għall-bżonnijiet essenzjali. Miżuri iktar ħarxa se jkunu qed jiddaħlu jekk in-nies ma jsegwux it-talbiet tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Bħalissa qed isiru testijiet oħra biex jaraw jekk dawk li kienu ħarġu pożittivi fil-ġimgħat li għaddew, għadhomx qed jittestjaw pożittivi jew fiequx.
L-Awtoritajiet tas-Saħħa qed jevalwaw is-sitwazzjoni biex jilimitaw każijiet infettati biex in-numru jinżamm baxx.
//= $special ?>