Futbol Sport

38 SENA ILU: Hibernians jiċċelebraw ir-rebħ tal-ewwel kampjonat f’Ta’ Qali

11 TA’ APRIL 1982

L-istaġun 1981/82 jibqa’ memorabbli fl-istorja tal-futbol lokali. Dan l-istaġun beda jintlagħab fl-Empire Stadium fil-Gżira u spiċċa fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali, b’Hibernians isiru l-ewwel tim li għolla t-trofew tal-kampjonat fil-grawnd il-ġdid. Dan kien it-tieni kampjonat konsekuttiv u t-tielet wieħed fl-aħħar erba’ staġuni, fl-ewwel snin ta’ Tony Bezzina bħala President ta’ Hibernians. Aktar minn hekk, Hibernians għamlu dak li għamlu fl-istaġun ta’ qabel jiġifieri li temmew l-istaġun bla telfa.

Fl-aħħar logħba tal-istaġun huma għelbu lil Sliema Wanderers 4-1, it-tim li spiċċa warajhom fil-klassi. F’dan il-konfront Hibernians reġgħu kienu fi klassi għalihom. Huma ħadu vantaġġ bikri wara żewġ minuti b’daqqa ta’ ras ta’ ERNEST SPITERI GONZI. Il-Pawlisti rduppjaw fid-19-il minuta meta l-gowlkiper Slimiż Alan Zammit blokka parzjalment ix-xutt ta’ Spiteri Gonzi u mir-rebound kien GUŻI XUEREB li pront skorja. B’dan il-gowl il-logħba kienet kważi diġà mirbuħa u mitlufa.

Fuq mix-xellug: Ernest Spiteri Gonzi, Joe Curmi, Norman Buttigieg, Tony Zerafa, Costantino Consiglio, John Bonello
Isfel mix-xellug: Ġużi Xuereb (captain), John Campbell, Noel Attard, Joe Galea, Pawlu Xuereb

L-iskor kompla jikber fit-tieni taqsima b’Hibernians jirbħu penalty fil-55 minuta. Xuereb qabeż żewġ plejers u twaqqa’ minn Gollcher fil-kaxxa. Minħabba li Spiteri Gonzi u Cassar kienu qed jissieltu għall-unur tal-aqwa skorer, inkariga ruħu mill-penalty NORMAN BUTTIGIEG li skorja b’xutt fil-baxx. Iċ-champions saħansitra għamlu l-iskor 4-0 fl-74 minuta, b’Zammit ma jżommx ix-xutt ta’ Attard u daħal pront JOE GALEA li spara fix-xibka. Sliema skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni fid-89 minuta b’daqqa ta’ ras ta’ MARTIN GREGORY.