Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena biss, l-ammont ta’ immigranti li waslu f’pajjiżna kien diġa laħaq terz tan-numru tal-immigranti kollha li waslu f’Malta fl-2019. Dan minkejja li hu fatt magħruf li l-ikbar ammont ta’ wasliet iseħħu fis-sajf, meta l-baħar ikun kalm.
Għalkemm l-awtoritajiet Maltin qed jaħbu l-ammont ta’ wasliet ta’ immigranti f’Malta, Net News jinsab infurmat li s’issa waslu f’Malta iktar minn 1,100 immigrant. Fi 12-il xahar fl-2019, kienu waslu f’Malta ftit iktar minn 3,400.
Dan fid-dawl li 64 immigrant iddaħħal fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filwaqt li matul l-istess ġurnata l-membri tal-AFM reġgħu ssejħu għal darba oħra għas-salvataġġ ta’ numru ta’ immigranti oħra.
Il-wasliet ripetuti tal-immigranti waqfu biss malli l-pajjiżi Afrikani, b’mod speċjali l-Libja, ħadu d-deċiżjoni li jagħlqu l-portijiet tagħhom kawża tal-imxija tal-coronavirus li qabdet tinfirex ukoll fil-kontinent tagħhom. Minkejja dan f’Marzu pajjiżna xorta waħda laqa’ ftit iktar minn 140 persuna li daħlet f’Malta b’mod irregolari, bil-baħar.
Sorsi ta’ Net News qrib il-Forzi Armati ta’ Malta stqarrew magħna li l-ikbar ammont ta’ immigrant baqa’ dawk ġejjin mis-Sudan, pajjiż mifni mill-gwerra. Waqt li l-immigranti Sudaniżi jiddominaw il-wasliet f’Malta u jammontaw għal kważi kwart, il-proporzjon naqas meta mqabbel ma’ nazzjonijiet oħra hekk kif kien hemm żieda qawwija fl-immigranti li ħarbu mill-Bangladesh u s-Somalja.
Fl-2020 s’issa kellna wkoll żieda qawwija fit-talbiet li l-awtoritajiet Maltin irċivew għall-ażil u għall-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali. Filfatt uffiċjali li jirċievu dawn l-applikazzjonijiet, u li tkellmu ma’ Net News spjegaw li t-talbiet fl-ewwel tliet xhur tas-sena diġa laħqu nofs it-talbiet kollha tal-2017 u iktar minn terz tat-talbiet kollha li rċivew fl-2018.
Dan kien ikkonfermat ukoll mill-Eurostat li f’Marzu kkonfermat li s-sena li għaddiet pajjiżna rċieva t-tieni l-ikbar ammont ta’ applikazzjonijiet per-capita mill-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea. Dan waqt li Malta kellha ferm iktar applikazzjonijiet mill-medja Ewropea.
Dawn il-wasliet sfurzaw lill-Gvern Malti li jiftaħ it-tielet ċentru ta’ detenzjoni, bil-midja independenti f’Malta li f’Marzu kixfet li l-awtoritajiet Maltin bdew jużaw mill-ġdid il-barracks ta’ Lyster f’deċiżjoni li ma tħabbritx mill-Gvern Malti. Dan waqt li l-awtoritajiet qed jirċievu kritika lokali u internazzjonali minn numru ta’ għaqdiet mhux governattivi li jisħqu li d-detenzjoni f’pajjiżna hi llegali.
Marzu kien ukoll wieħed impenjattiv għall-uffiċjali taċ-ċentri ta’ detenzjoni hekk kif fis-7 ta’ Marzu numru ta’ immigrant Somali ħarbu. Il-Gvern ma qalx kemm kienu l-persuni li ħarbu u wisq inqas ħabbar kemm minnhom baqgħu qatt ma nstabu.
Dan waqt li ftit jiem wara, l-NGO SOS Mediterranee akkużat lill-Gvern Malti li bagħat grupp ta’ immigrant lura lejn il-Libja minkejja li dawn ġew salvati fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Jekk l-investigazzjonijiet jikkonfermaw dan, il-Gvern Malti jista’ jaffaċċja akkużi ta’ ksur tad-drittijiet umani tagħhom b’riperkussjonijiet serji.
//= $special ?>