Coronavirus Ekonomija Kummerċ Lokali

Ħtieġa ta’ pjan ekonomiku serju u t’integrità finanzjarja

F’analiżi tipikament skjetta tal-andament ekonomiku, l-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) reġa’ ġibed l-attenzjoni tal-Gvern Malti għal diversi nuqqasijiet fit-tmexxija tal-ekonomija ta’ pajjiżna, li wasslu biex ir-ritmu ta’ tkabbir f’pajjiżna jonqos anke qabel ma feġġet il-pandemija tal-coronavirus.

F’isem il-Partit Nazzjonalista, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco, appella lill-Gvern biex janalizza sew dawn ir-rakkomandazjonijiet, li bosta minnhom mhumiex isiru l-ewwel darba, la mill-IMF u lanqas mill-PN.

L-IMF għal darb’oħra jirrimarka d-dipendenza li pajjiżna kellu fuq tkabbir short-term marbut maż-żieda fl-għadd ta’ ħaddiema barranin. L-Oppożizzjoni kemm-il darba rrimarkat li din il-politika mingħajr pjan poġġiet morsa fuq il-pagi tal-ħaddiema f’diversi setturi. Barra minn hekk, din il-politika kienet qed tpoġġi piż qawwi fuq l-infrastruttura, r-riżorsi u l-koeżjoni soċjali ta’ pajjiżna. Dan barra li qed iħalli impatt fuq l-għoli tal-ħajja, li wkoll kien diġà qed jgħolli rasu qabel l-impatt tal-COVID-19.

F’dan il-kuntest, il-PN jibqa’ jappella biex pajjiżna jaħdem biex iħares lejn pjan ekonomiku fit-tul, iktar u aktar fil-kuntest tar-realtà differenti li se nsibu ma’ wiċċna la tgħaddi l-pandemija. Fost l-oħrajn, l-impatt tad-daqqa fuq is-settur turistiku, li fid-dawl tal-falliment u t-tnaqqis fl-operat ta’ bosta linji tal-ajru u fuq it-tnaqqis mistenni għad-domanda ta’ vjaġġi permezz ta’ cruiseliners, jista’ jnaqqas serjament il-kontribut ta’ din l-industrija għall-ekonomija Maltija.

Il-Gvern għandu jħares lejn alternattivi f’dan il-qasam fosthom it-turiżmu mediku reali u mhux wieħed fażull kif rajna meta il-Gvern ta t-tliet sptarijiet ta’ pajjiżna lil kumpanija fantażma li ma tat xejn lura lill-poplu Malti kif ukoll it-trasformazzjoni ta’ Malta bħala hub għat-turisti li jivvjaġġaw lejn bosta pajjiżi tal-Mediterran minn destinazzjonijiet imbegħda. Il-Gvern għandu jippjana issa għall-ekonomija ta’ għada li se tkun żgur differenti minn dik tal-lum u dan billi jinvesti fl-ekonomija diġitali, l-ekonomija kreattiva, l-ekonomija ċirkolari, f’ambjent iktar nadif, trasport u infrastuttura għall-futur.

Filwaqt li r-rapport jinnota titjib fil-qagħda finanzjarja ġenerali, l-Fond jappella wkoll lill-Gvern biex jikkontrolla n-nefqa rikorrenti tiegħu – appell li l-Partit Nazzjonalista ressaq kemm-il darba fl-aħħar xhur – nefqa li qed tillimita lill-Gvern, fi kliem l-IMF, milli jagħmel investimenti tant neċessarji f’oqsma bħas-saħħa, edukazzjoni, t-trasport u l-ambjent.

L-IMF jiffoka wkoll fuq il-qagħda tas-settur finanzjarju ta’ pajjiżna. Huwa ta’ dispjaċir kbir għall-Oppożizzjoni, li sena wara ċ-ċanfira li l-Gvern kien qala’ mill-Moneyval, l-IMF jibqa’ jiġbed l-attenzjoni fuq il-bżonn ta’ integrità finanzjarja u twissi lill-pajjiżna fuq ir-riskji marbuta mal-ħasil ta’ flus u n-nuqqasijiet tal-awtoritajiet regolatorji. B’mod partikolari l-IMF jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta’ tisħiħ tal-MFSA, tas-superviżjoni tal-entitajiet liċenzjati minnha u biex din issir verament indipendenti fl-operat tagħha. Il-Fond jibqa’ jappella lill-Gvern biex dan jiġġieled il-korruzzjoni b’mod determinat u jsaħħaħ l-aspett ta’ governanza li minnha hu nieqes pajjiżna.

Għal darb’oħra l-Oppożizzjoni tappella biex il-Gvern jieħu dawn ir-rakkomandazzjonijiet bis-serjetà u jafferma mill-ġdid l-impenn tagħha biex taħdem u tikkontribwixxi b’ideat ġodda biex pajjiżna joħroġ mis-sitwazzjoni li ninsabu fiha b’mod aktar b’saħħtu biex nassiguraw il-kwalità tal-ħajja u l-postijiet tax-xogħol għall-familji Maltin u Għawdxin.