Coronavirus Lokali Transport

Il-cabin crew tal-Air Malta jaċċetta s-salarju ta’ €1,200

Jekk il-bdoti ma jaċċettawx it-tnaqqis fis-salarju, xorta waħda jitkeċċew

90% mill-ħaddiema tal-cabin crew aċċettaw li jibqgħu fuq il-kotba tal-Air Malta billi jitnaqsilhom is-salarju għal mhux aktar minn €1,200. Dawn jingħaqdu mal-union tal-inġiniera li aċċettaw ukoll li jibqgħu fl-impjieg.

Iżda biex dawn jibqgħu fuq il-kotba tagħha, rapporti fil-media jgħidu li l-ħaddiema kollha, anki l-bdoti, iridu jaċċettaw l-offerta tal-linja nazzjonali tal-ajru ukoll inkella jitkeċċew xorta waħda, kif diġà avżat lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi.

Jidher li biex jgħaddu b’salarju ta’ €1200, dan se jirriżulta għal tnaqqis ta’ aktar minn nofs is-salarju eżistenti għal bosta ħaddiema tal-cabin crew. Il-bdoti minn naħa tagħhom sa issa għadhom ma laqgħux il-pakkett tal-Air Malta, li ġie offrut wara li l-operat tal-linja tal-ajru prattikament spiċċa fix-xejn kawża tal-pandemija COVID-19.