Lokali

Il-faxxinu tal-Arkivji Maltin fl-għażla tal-Arkivista Nazzjonali, Dr Charles J. Farrugia

Ftit tax-xhur ilu, Dr Charles J. Farrugia, l-Arkivista Nazzjonali nieda l-ħolma tiegħu fil-pubblikazzjoni ‘Archives in Malta… My Choice’, pubblikazzjoni mill-aktar interessanti li fisser għalieh rigal ta’ tletin sena ħidma b’risq dan is-settur. Dan il-ktieb jenfasizza r-relazzjoni dinamika bejn l-arkivji u s-soċjetà Maltija f’perspettiva Mediterranja, Ewropea u Internazzjonali.

‘Maltese Archives… My Choice’, hija l-għażla tal-Arkivista Nazzjonali f’dak li ltaqa’ miegħu arkivjat matul dawn is-snin fil-ħafna arkivji li għanda fil-pajjiż, dawk governativi, ekklesjastiċi, każini tal-baned, istituzzjonijiet, u djar privati. Konvint li dawn huma biss il-ftit mill-ħafna li qajmulu l-interess, iżda t-352 paġna u s-760 illustrazzjoni huma biżżejjed biex ippaxxuk u tgawdi dak li hemm mistur fuq l-ixkaffar u l-vetrini. Huwa l-vjaġġ estensiv ta’ storja kbira ta’ pajjiżna, dokumentazzjoni li tmur għas-seklu 12, vjaġġ ta’ ħakkiema, vjaġġ li sawwar l-identità ta’ “aħna minn aħna llum”.

Dan qed iwasslu flimkien mal-artistrija tal-fotografu Daniel Cilia li f’dan ix-xogħol hemm evidenti l-anima tiegħu lejn l-istorja u l-kultura, ritratti artistikament brillanti li jixhdu snin twal ta’ esperjenza anke wkoll in-namra f’dan is-settur. Il-bosta reproduzzjoni ta’ ritratti antiki, Cilia jippreżenthom b’disinn kreativ li tispikka l-għajn metakuluża għad-dettal.

Il-ktieb huwa mqassam fit-18-il tema li jirrifletti dak li qal Eric Ketellar, arkivista Olandiż li “l-arkivji huma magħmula mill-poplu, dwar il-poplu u għall-poplu”. Oriġinarjament, il-materjal miġbur kien aktar estensiv milli wieħed ħaseb, iżda l-proċess metakuluż tal-għażla wassal biex id-dokument u l-materjal arkivistiku tħalla jitkellem waħdu, għażla sensittiva li turi l-polż tal-poplu u l-identità tiegħu. Kull oġġett imwassal għandu messaġġ.

It-taqsimiet magħżula huma dawn: Governanza, Ikel, l-Għaqdiet Reliġjużi, Konfraternitajiet u Istituzzjonijiet; Il-Baħar, il-Mewt, Viżitaturi, Edukazzjoni, Ħin ħieles, Koxjenza Nazzjonali, Infrastruttura, Disinn, l-Arkeoloġija f’dak li m’għadux magħna; l-Ilsien Malti, Reliġjon u Ritwal, Trawma, Lejl u dak li mmarka l-ħin, Maltin ´il barra minn xtutna, u l-Familja.

Interessanti li r-rekords awdjo-viżivi qed jitwasslu wkoll permess tal-web-site u l-QR Codes marbuta mal-ktieb li jkompli jagħmel dan il-ktieb aktar ħaj u attwali.

L-aktar dokument għal qalb l-awtur

L-awtur ta’ dan ix-xogħol jistqarr li l-aktar dokument għal qalbu hu l-pjan ta’ fortifikazzjonijiet ta’ Turgot għall-Imdina.  Jgħid hekk: “Dan għaliex kienet skoperta ġdida, juri d-diversità ta’ materjal f’arkivji reliġjużi u bil-ħidma ta’ Stephen C. Spiteri rnexxielna nibnu Mdina virtwali daqs li kieku l-proġett sar.”

Tispika l-Bulla Papali tal-15 ta’ Frar 1113 maħruġa mill-Papa Paskall II favur l-Isptar ta’ San Ġwann, il-Magna Carta tal-20 ta’ Ġunju 1428 ta’ Alfonso V u d-dokument li juri l-għoti tal-Gżejjer Maltin lill-Ordni ta’ San Ġwann iffirmat minn Carlo V. Hemm ukoll l-invit lil Prim Ministru Pawlu Boffa għat-tieġ tal-Prinċipessa Elizabeth ma’ Philip Mountbatten u ritratt tar-Reġina Elizabetta quddiem il-Palazz fiż-żjara tagħha f’nofs is-seklu l-ieħor. Sabiħ ir-ritratt memorabbli ta’ Malta Indipendenti li jiddikomenta Malta Nazzjon. Wieħed jista’ jisma’ lill-Prim Ministru Ġorġ Borġ Olivier f’dan il-mument ta’ stennija għal sekli sħaħ.

Fit-tema tal-ikel tispika wkoll il-kartuna tal-ħalib tal-1937. Fit-tema tal-Mewt insibu diversi ċertifikati tal-imwiet u disinji lussużi taċ-Ċimiterju tal-Addolorata mill-Arkitett Galizia.

Il-memorja ta’ dawk li żaruna hija evidenti fil-poeżiji llustrati tal-1871-2 fid-djarju miktub b’forma ta’ poeżija ta’ Louie Bunbury fit-tlett xhur li għamel f’Malta. Fost id-diversi dokumenti interessanti dwar l-iżvilupp tal-edukazzjoni f’Malta huma it-test grammatiku tal-istudju tal-Għarbi fl-1808. Fit-taqsima tad-divertiment u l-ħin ħieles insibu disinji tat-Teatru Manoel fil-Cabreo Vilhena; disinji tal-kostruzzjoni tat-Teatru Rjal u ritratt ta’ nisa fil-film ‘Soft Lights and Sweet Music’ tal-1937 li l-knisja ddeskrivietu bħala oxxen u skandaluż, film li kien qed jintwera fit-Trianon fil-Ħamrun approvat mill-bord taċ-ċensura.

Fit-tema tal-Koxjenza Nazzjonali nsibu diversi dokumenti nteressanti fosthom il-poeżija antika Ad Patriam (O Melita Infelix) taż-żmien l-Assedju l-Kbir u l-lista tat-tradituri Maltin li kienu qed jikkolaboraw mal-Frinċiżi. It-taqsima tal-Infrastruttura hemm id-disinn topografiku u Arkitettoniku tal-kostali tan-naħa ta’ Fuq u l-Lvant ta’ Malta attribwit lil Bartolomeo Genga f’Marzu 1558 li jinsab fil-kollezzjoni ta’ Albert Ganado, u d-disinn ta’ Emvin Cremona propost għall-pavaljuni li jintramaw fit-toroq tal-Mosta.

L-eqdem poeżija bil-Malti ta’ Brandano Caxaro, il-Cantilena miktuba bejn l-1533 u 1536 hija evidenti fit-taqsima tal-Ilsien Malti, dokument mill-aktar important li jinsab fl-Arkivju Notarili. Interessanti l-paneġirku bl-użu tal-Malti ad unur Santa Skolastika li kien tnisseġġ fil-Floriana fl-1757.

Il-ħsarat u l-weġgħat li ġarbu l-antenati u l-binjiet minħabba t-traġedja tat-Tieni Gwerra Dinjija huma esposti f’taqsima li ġġib ħafna memorji lil dawk li qabżu sew it-tmenin sena. Din it-taqsima tinkludi ritratti tat-tieni Gwerra Dinjija fosthom poster għat-tħaffir tas-shelters. It-tema tal-Maltin li ħarġu ´l barra minn xtutna hija dokumentata b’ħafna ritratti ta’ passaporti antiki, ritratti sbieħ li wkoll jixħtu dawl lejn l-istorja tal-fotografija f’Malta. Insibu ittra kunfidenzjali miktuba fit-3 ta’ Marzu 1919 bil-possibiltà li tibda emigrazzjoni lejn il-Palestina.

Dawn huma biss ftit mill-minjiera ta’ dokumenti u oġġetti arkivjati fl-arkivji tagħna. Dr Charles J. Farrugia bl-għajnuna wkoll ta’ Francis Miller Memorial Fund li sponsorja dan ix-xogħol, wassal dan il-volum li kien hawn għatx kbir għalieh, pubblikazzjoni rikka u monumentali li tixraq tassew lill-istorja, l-identità u l-memorja ta’ pajjiżna.