Fil-messaġġ għall-Festa tal-Għid il-Kbir il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li “Dawn huma żminijiet li qed iġibu bidliet fis-soċjetà. Kull wieħed u waħda minna; bil-familji u dawk għeżież għalina, huma milqutin. Min b’mod u min b’ieħor; mit-tfal sal-anzjani, iżda quddiem din l-isfida globali, l-poplu Malti mhux se jaqta’ qalbu; se jibqa’ determinat.”
Adrian Delia qal li “aħna poplu li qatt ma qtajna qalbna. Irid ikollna kuraġġ; irridu nsaħħu l-kuraġġ; irridu nkattru l-kuraġġ f’ħaddiehor…is-saħħa hi prijorità.”
Il-Kap tal-PN saħaq li l-Oppożizzjoni appellat għal miżuri qawwija qabel il-virus daħal Malta; “ridna miżuri ta’ prevenzjoni. Appellajna biex l-isptarijiet tagħna jkunu mħejjija tajjeb biżżejjed biex jilqgħu għal din il-kriżi. Għax dawn huma l-isptarijiet tagħna. Appellajna biex jingħalqu l-fruntieri minn kmieni; biex nilqgħu kontra l-mod kif il-virus jiddaħħal f’Malta. Ridna nipproteġu lis-soċjetà. Insistejna li immedjatament l-ekonomija Maltija tkun mgħejjuna bil-qawwi; l-ħaddiema, n-negozji, l-imprendituri, l-familji.”
Adrian Delia fakkar li l-Oppożizzjoni ipproponiet inizjattivi fis-setturi kollha tas-soċjetà li jingħalqu l-iskejjel, jinqata’ l-kuntatt dirett fis-soċjetà u jiġu mwaqqfa l-attivitajiet pubbliċi. “Diffiċli, imma għall-ġid ta’ kulħadd.” qal il-Kap tal-PN.
Il-PN ippropona wkoll inizjattivi diretti għal setturi partikolari tas-soċjetà; fosthom tal-ekonomija u tal-komunità. “Ma ħallejna lil ħadd barra; dan hu l-mument tal-poplu Malti kollu. Irridu nkunu magħqudin; Xejn m’hu importanti daqs is-saħħa tagħna u għalhekk għandna nkunu b’saħħitna biex niddefendu saħħitna.” kompla Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li jrid li “ħadd ma jitlef ix-xogħol u li n-negozji jkunu mgħejjuna biex hekk kif tgħaddi l-kriżi nerġgħu nibnu ekonomija ġdida bbażata fuq il-kwalità. Ejja noħorġu minn dan il-mument iktar b’saħħitna; Ejja niskopru l-aspetti pożittivi li qed jerġgħu jitkattru fostna; Is-solidarjetà, l-għaqda fil-familja, l-valuri, t-twemmin u l-għajnuna lejn min għandu bżonn.”
Finalment, Adrian Delia wassal messaġġ ta’ kuraġġ; “irid ikollna l-istess kuraġġ li għandhom it-tobba, l-infermiera u dawk kollha li qed jikkumbattu l-virus fis-settur mediku, pulizija, suldati, sidien tan-negozji, self-employed, impjegati u dawk kollha li qed jerfgħu r-responsabbiltajiet b’dedikazzjoni, propju fuq quddiem. Bla biza! L-eżempju tagħkom ikaxkar; intom l-eroj tagħna. Malta għaddiet minn sfidi u battalji kbar, gwerer u assedji, iżda rnexxielha tibqa’ b’saħħitha.”
“Konvinti li hekk se terġa’ tagħmel. Ejja nikkumbattu flimkien. Ejja niġġieldu dan il-virus flimkien. Ejja negħlbu l-biża. Ħudu ħsieb u ibqgħu d-dar. L-Għid it-tajjeb lil kulħadd.” temm jgħid Adrian Delia.

