Coronavirus Futbol Sport

L-MFPA titlob biex jiġu rispettati l-kuntratti tal-plejers

(Ritratt: MFPA.com)

L-MFPA ħarġet stqarrija wara li fl-aħħar ġranet plejer impjegat full-time ma’ klabb lokali, spiċċa mkeċċi minn daru wara li ġie mitlub mill-klabb tiegħu biex jittermina l-kuntratt tiegħu u jaċċetta li wara li kien ilu sa minn Jannar ma jitħallas ikollu s-salarju għall-perjodu Jannar –April mnaqqas bin-nofs.

Filfatt il-plejer flimkien mal-familja tiegħu sfaw bla saqaf fuq rashom fit-3 ta’ April, f’nofs pandemija serja li tista’ tipperikola kemm s-saħħa tal-plejer kif ukoll tal-familja tiegħu. Kienet l-MFPA li għenet lil dan il-plejer biex isib appartament ieħor fejn jgħix flimkien mal-familja tiegħu, bil-każ mistenni jitressaq quddiem il-FIFA. L-MFPA kompliet li tifhem li dan huwa żmien diffiċli għal kulħadd u tinsab f’kuntatt kontinwu mal-plejers, mal-klabbs u mal-MFA biex jaraw kif dan il-piż finanzjarju jista’ jinqasam b’mod ugwali bejn kulħadd.

Hi kompliet li mhix se taċċetta li l-plejers jiġu intimidati jew mġegħla jiffirmaw karti biex il-kuntratt tagħhom jiġi xolt u qalet lill-klabbs li l-Gvern Lokali ħabbar €800 għal impjegati full-time, flus li l-klabbs ukoll se jkunu intitolati għalihom. L-istqarrija temmet tħeġġeġ lil dawk il-plejers li jaffaċċjaw sitwazzjonijiet simili biex jagħmlu kuntatt mal-MFPA filwaqt li ħeġġet lill-klabbs biex jirrispettaw il-kuntratti u s-salarji tal-plejers tagħhom.