L-Assoċjazzjoni Maltija tas-Social Workers ikkundannat il-kummenti razzjali tal-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni tas-Servizzi Soċjali, Alfred Grixti, u talbet għar-riżenja tiegħu.
Dan wara li esprima l-opinjoni tiegħu li d-dgħajjes bir-refuġjati għandhom jiġu mgħarqa.
Huma qalu li mhuwiex denju għal aġenzija tal-istat, li hija impenjata biex tipprovdi servizzi lil dawk l-aktar vulnerabbli, li fit-tmexxija jkollha persuna li ma jemminx fil-viżjoni tal-Fondazzjoni stess, dik li taħdem biex ixxejjen l-esklużjoni soċjali.
Għalhekk appellat lill-Gvern sabiex jiżgura li l-Fondazzjoni titmexxa minn persuna li għandu veduti konsistenti mal-viżjoni tal-Fondazzjoni sabiex verament tilħaq il-viżjoni tagħha u tilħaq individwi vulnerabbli, fosthom ir-refuġjati, sabiex tassistihom.
L-Assoċjazzjoni Maltija għas-Saħħa Mentali tat-Tfal u Adoloxxenti esprimiet l-istess sentimenti tas-social workers u qalet li hija inaċċettabbli li fil-kariga tiegħu, Alfred Grixti jesprimi dawn il-kummenti fil-konfront tad-dgħajjes li jġorru lir-refuġjati lejn port sigur.
Hija temmen li l-Fondazzjoni teħtieġ titmexxa minn persuna li jissalvagwardja id-drittijiet bażiċi tal-bniedem, xi ħaġa li żgur ma hijiex espressa fil-kummenti ta’ Alfred Grixti, u fakkruh fil-kliem tal-poeta Brittaniku, Warsan Shire:
“Ħadd ma jibgħat lil uliedu f’dgħajsa diment li l-baħar huwa aktar sigur mill-art.”
Mr Alfred Grixti has demonstrated through his comments that his beliefs are not consistent with the position he holds as CEO of the Foundation for Social Welfare Services. “No one puts their children in a boat unless the water is safer than the land” Shire.
Id-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Andrew Azzopardi, ingħaqad mal-Assoċjazzjoni tas-Social Workers, u ċanfar din id-dikjarazzjoni xokkanti ta’ Alfred Grixti.
“Pajjiżna għandu bżonn tmexxija morali li tħares il-ġid komuni u mhux dijalettika ta’ mibegħda, partikolarment mill-mexxejja tagħna.”
Huwa tenna li Grixti, fil-kapaċità tiegħu ta’ mexxej fil-qasam soċjali, huwa li juri attitudni dekoruża fuq l-immigrazzjoni u materji soċjali oħra. Il-kummenti krudili u immaturi tiegħu ma jixirqux il-kariga li jokkupa għaliex jinċitaw il-mibegħda u l-vjolenza razzjali.
//= $special ?>