It-tridu tal-Għid jilħaq il-qofol tieghu propju f’Sibt il-Għid, meta n-Nisrani jħejji ruħu għall-akbar festa tal-Knisja. Iżda f’pajjiżna, kawża tal-pandemija tal-COVID-19, din il-preparazzjoni qed issir ġewwa djarna, f’sitwazzjoni għal kollox surreali.
Normalment, f’dan il-jum, xorta waħda ma jsirx quddies fil-knejjes, tant li t-tabernaklu jibqa’ vojt, għajr għal funzjoni waħda, meqjusa fost l-isbaħ funzjonijiet liturġiċi tal-Knisja, li ġeneralment tibda fit-8pm.
Għal din is-sena, l-Arċisqof Charles Scicluna se jipprjesedi l-liturġija tal-Vġili tal-Għid mill-Kappella tal-Kurja fit-8.30pm, b’xandira diretta fuq NET Television. F’ċirkostanzi normali, din il-funzjoni issoltu ssir fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u tibda bit-Tberik tan-Nar il-ġdid li minnu jinxtegħel il-blandun, simbolu ta’ Kristu Rxoxt, biex imbagħad issegwi bil-liturġija tal-Kelma, tal-Magħmudija u tal-Ewkaristija.
Illum terġa’ tindaqq il-glorja u l-ferħ tal-Għid jinxtered bid-daqq tal-qniepen li ilhom siekta mill-Ħamis. F’dan il-ħin, jinxtegħel id-dawl tal-knejjes.
NET News ħa l-opportunità li jżur żewġ knejjes, biex jara mill-qrib l-aħħar tħejjijiet b’mod ridot u remot għall-akbar festa tal-Knisja.
Fil-Knisja Arċipretali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ sibna 3 voluntiera biss iħejju l-artal maġġur fejn hawn, ħarġu l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt minn niċċa. Għall-ewwel darba fl-istorja, il-vari tal-Ġimgħa l-Kbira kellhom jibqgħu armati fil-korsija tal-Knisja għal żmien l-Għid minħabba li biex jiġu żarmati l-vari kollha, ikun meħtieġ li jinġabru aktar minn 3 persuni.
Żorna wkoll il-Knisja ż-Żgħira ta’ San Bastjan f’Ħal Qormi illi kienet imħejjija bil-lest għall-Festi tal-Għid il-Kbir, bl-artali armati bil-fjuri, fjuretti u l-gandlieri. L-istatwa ta’ Kristu Rxoxt għal din is-sena, minħabba li l-Purċissjoni tħassret, intramat fin-nofs tal-artal maġġur.
Il-Ħadd filgħodu, NET Television se jxandar il-quddiesa tal-Għid il-Kbir tal-Mulej iċċelebrata mill-Arċisqof fid-9.30am fil-Kurja kif ukoll l-barka Urbi et Orbi tal-Papa Franġisku f’12pm mill-Pjazza tal-Vatikan.
//= $special ?>