Coronavirus Lokali

Solidarjetà mal-mediċi mill-Kċina tal-President

Solidarjetà mal-istaff tal-Isptar Mater Dei li bħalissa qed jaħdem ħinijiet twal u bla waqfien biex ikun jista’ jlaħħaq mal-ħidma bla ebda preċedent li għaddejjin minnha f’dan iż-żmien tal-pandemija tal-Covid-19. 

L-Uffiċċju tal-President qed jagħti sehmu billi jibgħat ammont ta’ ikliet imsajrin mill-Kċina tal-Palazz ta’ Sant’ Anton lill-impjegati ta’ Mater Dei li qed jaħdmu f’bosta swali tal-isptar f’perjodu tant impenjattiv kawża ta’ dawn iċ-ċirkostanzi li l-pajjiż spiċċa fihom.

Fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir, il-Kċina tal-President ħasbet ukoll biex jintbagħat ħelu marbut mal-Għid lill-impjegati li jaħdmu l-Isptar Mater Dei. Il-President George Vella u s-Sinjura Vella irringrazzjaw lill-ħaddiema tal-Palazz tal-President għall-impenn li qed juru f’din l-inizjattiva.

Intant, il-President Vella x-xahar li għadda ddeċieda li hu wkoll jagħti l-kontribut personali billi offra l-paga ta’ dak ix-xahar biex tintuża mill-Gvern fejn meħtieġ f’dawn iċ-ċirkostanzi uniċi li qed jiffaċċjaw l-Gżejjer Maltin.

Fl-istess ħin, l-Uffiċċju tal-President ifakkar li baqgħet għaddejja l-għajnuna soċjali li dejjem offriet il-Malta Community Chest Fund Foundation lil dawk li jħossu li għandhom bżonn din l-għajnuna u li jkunu jikkwalifikaw għaliha.

Barra minn hekk, il-billboards li s-soltu kienu jintużaw għal skopijiet tal-Malta Community Chest Fund Foundation tpoġġew għad-diżpożizzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa biex jintużaw għall-messaġġi informattivi b’rabta mal-Covid-19.