Coronavirus Lokali Saħħa

Tal-funerali fil-għama fuq kif se jaħdmu b’vittmi tal-COVID-19

Il-Ministeru tas-Saħħa s'issa ma ħareġ l-ebda linji gwida u ma pprovda l-ebda lbies protettiv għall-kummissjonanti

Il-Kummissjonanti tal-Funerali jinsabu fil-għama dwar kif se jaħdmu b’vittmi tal-COVID-19 hekk kif il-Ministeru tas-Saħħa la ħareġ linji gwida jew direttivi għalihom dwar kif se jaħdmu b’vittmi tal-COVID-19 jew x’se jibsu u wisq anqas ipprovdewlhom dan l-ilbies protettiv.

Kawża ta’ dan, in-nies li jsuqu l-karozzi tal-mejtin qegħdin jibżgħu jmorru l-kamra mortwarja għall-katavri għaliex ilbies protettiv m’għandhomx u ma jafux jilbsux il-libsa s-sewda jew le. L-istess ir-reffiegħa u d-deffiena huma beżgħana jerfgħux u jidfnux it-twiebet ta’ vittmi ta’ COVID-19 minħabba l-kuntatt dirett mal-vittma waqt ir-refgħa u d-difna.

Fil-każ li l-Gvern mhuwiex se jipprovdilhom l-ilbies, il-kummissjonanti li kelmuna li ma jafux minn fejn se jixtru l-ilbies protettiv għaliex il-ħwienet jinsabu magħluqin.

Il-kummissjonanti jinsabu fil-għama ukoll dwar kif se jaħdmu meta bniedem imut id-dar u jittestja pożittiv għall-COVID-19 hekk kif il-ħaddiema tal-kamra mortwarja ma jkunux iridu jmorru fid-djar tal-persuna mejta. F’dan il-każ, li jiġru huwa li t-tabib tal-familja jiċċertifika lill-persuna mejta u jħalli f’idejn il-kummissjonant biex jaħdem, bir-riskji kollha għal wiċċhom.