Futbol Sport

31 SENA ILU: Draw prestiġjuż għat-tim nazzjonali Malti fl-Ungerija

(Ritratt: L-orizzont)

12 TA’ APRIL 1989

Bħal-lum 31 sena ilu, it-tim nazzjonali Malti kiseb draw prestiġjuż ta’ 1-1 kontra l-Ungerija. Il-logħba ntlagħbet fil-famuż Nepstadion ta’ Budapest quddiem madwar 25,000 spettatur. Il-logħba kienet il-ħames waħda mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-1990, bit-tim Malti jikseb it-tieni punt u skorja t-tielet gowl fil-grupp. F’din il-logħba, spikka għat-tim Malti d-difensur ċentrali John Buttigieg li waqqaf diversi attakki tal-avversarji.

Kien proprju Buttigieg li beda l-azzjoni tal-gowl Malti wara ħames minuti. Id-difensur qabeż tliet plejers b’finet mill-aqwa u qassam lejn CARMEL BUSUTTIL li kien f’nofs il-grawnd. Il-plejer offensiv qabeż żewġ plejers u fetaħ id-difiża avversarja, avvanza u wiċċ imb wiċċ mal-gowlkiper Péter Disztl skorja b’xutt fil-baxx. L-Ungeriżi fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod meta ngħataw penalty. Id-difensur Dennis Cauchi waqqa’ lil György Bognár fil-kaxxa, bir-referee Frost ma jkollux diffikultà biex isaffar il-penalty. Mill-11-il metru nkariga ruħu IMRE BODA li bagħat lil David Cluett in-naħa l-oħra tal-ballun.

Minkejja dan il-gowl fid-49 minuta, it-tim Malti baqa’ konċentrat u dixxiplinat. Dan iżda ma naqqasx l-attakki kontinwi tal-Ungerija. It-tim Malti mmexxi minn Horst Heese beda wkoll jipprova jfittex okkażjonijiet ta’ kontrattakk. F’okkażjoni minnhom Charlie Scerri nifed id-difiża avversarja iżda tfixkel ma’ Busuttil u meta tal-aħħar tefa’ l-kross, il-ballun spiċċa għand Distzl. L-isforzi tat-tim Malti għal ftit ma sarrfu f’xejn hekk kif lejn it-tmiem, Boda laqat il-mimduda.