F’jum li fih mhux soltu naraw lill-politiċi jagħmlu l-famuzi “diskorsi tal-Ħadd”, il-Mexxej Laburista Robert Abela xorta għamel dan fuq l-istazzjonijiet tal-Partit li jmexxi.
Iżda filwaqt li l-Awtoritajiet tas-Saħħa għadhom qed itennu messaġġi ta’ kawtela fil-ġlieda kontra l-Coronavirus, Abela qal li jemmen li, bħala pajjiż, qed noqorbu lejn il-mument tan-normalità.
Il-kumment tal-Prim Ministru jistona meta l-poplu hu konxju tas-sagrifiċċji li għadhom iridu jittieħdu minn kulħadd, fosthom anke fix-xhur tas-Sajf. Dak li qal illum fakkar ukoll lil ħafna fil-kumment li l-istess Robert Abela għamel ġimgħatejn biss qabel, meta appella lin-nies biex jobdu ħalli jkun jista’ jgawdi s-Sajf.
Fil-ġimgħat li għaddew, kienu diversi li kkritikaw lill-Prim Ministru għall-kummenti li kien għadda meta, kontra l-pariri tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, hu appella lin-nies biex joħorġu għal mixja. U filwaqt li reġa’ qal li din mhix kwistjoni ta’ kuluri politiċi, reġa’ stkenn fl-istudios tal-media Laburista u mhux fil-preżenza tal-ġurnalisti.
Sadanittant, meta mistoqsi dwar l-isfida tal-immigrazzjoni li bħalissa għaddejja fil-Mediterran, il-Prim Ministru pprova joħloq dubju dwar jekk l-għajnuna li qed jagħtu l-NGOs internazzjonali lill-immigranti f’diffikultà hix ġenwina jew le.
U filwaqt li reġa’ ftaħar bl-aħħar pakkett finanzjarju li ppreżenta, ammetta li nesa lil eluf ta’ impjegati u min iħaddem. Dan meta kkonferma li b’dan il-pakkett għen lil 110,000 ħaddiem u b’hekk, nesa għexieren ta’ eluf oħra.