Il-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson, ħareġ mill-isptar wara jiem jingħata t-trattament għall-coronavirus. Intant, kelliema għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) qalu li Johnson mhux se jirritorna għax-xogħol immedjatament.
Kien bħal-lum ġimgħa li Johnson, li għandu 55 sena, kien ittieħed fl-Isptar ta’ St Thomas, f’Londra – b’dan iseħħ għaxart ijiem wara li hu kien testja pożittiv għall-coronavirus. Hu kien dam tlett iljieli taħt kura intensiva qabel spiċċa trasferit lejn sala oħra tal-isptar nhar il-Ħamis.
Ir-rapporti qalu li Boris Johnson, issa, se jkompli jirkupra fir-residenza ‘Chequers’ għall-Prim Ministru,qalb il-kampanja.
Boris Johnson ma damx biex iwassal messaġġ ta’ ringrazzjament lill-istaff kollu tal-isptar ‘għat-trattament impekkabbli li ngħata fl-aħħar ġranet’. Il-Prim Ministru kompla li hu qed jaħseb f’dawk kollha li, bħalu, spiċċaw affettwati minn dan il-virus kiefer.
Carrie Symonds, is-sieħba tal-Prim Ministru li qed tistenna tarbija, ukoll irringrazzjat (permezz ta’ Twitter) lil ‘kulmin bagħatilhom il-messaġġi ta’ appoġġ’, Hi, intant, ammettiet li għaddiet minn ġranet ‘li dehru suwed għall-aħħar’ filwaqt li raddet ġieħ lis-Servizzi tas-Saħħa Nazzjonali (NHS) u lill-istaff tal-Isptar ta’ St Thomas ‘li ma tista’ tieqaf qatt tirringrazzjahom’.
Carrie Symonds – li għandha twelled fi żmien xahrejn – kellha tgħix għall-aħħar jiem f’iżolament u fejn uriet sintomi simili għall-coronavirus. Intant, s’issa ma sarulhiex testijiet speċifiċi għall-infezzjoni.
//= $special ?>