Futbol Sport

39 SENA ILU: Hibernians jirbħu l-aħħar kampjonat li ntemm fl-Istadium tal-Gżira

12 TA’ APRIL 1981

Hibernians kisbu t-tieni kampjonat fi tliet staġuni proprju 39 sena ilu. Dan kien l-aħħar staġun li ntlagħab b’mod komplut fl-Istadium tal-Gżira. Il-kampjonat kien it-tieni wieħed għal Hibernians taħt it-tmexxija tal-President Tony Bezzina. Mijiet ta’ partitarji attendew għall-aħħar konfront tagħhom kontra Żurrieq. Kif mistenni, Hibernians ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 5-0 biex temmew il-kampjonat mingħajr telfa, bi 12-il rebħa u żewġ draws minn 14-il logħba.

Il-partita kienet mill-ewwel destinata għal rebħa Pawlista hekk kif fetħu vantaġġ doppju fl-ewwel minuti. Wara erba’ minuti kien JOE CURMI li għola fuq kulħadd biex skorja b’daqqa ta’ ras wara korner ta’ Frans Mallia. Fit-tieni attakk tagħhom tliet minuti wara, Hibernians irduppjaw. Free-kick ta’ Albert Mizzi spiċċa għand JOE CURMI li mill-viċin ma żbaljax. L-iskor sar 3-0 fis-66 minuta meta Curmi qabbeż lejn Ernest Spiteri Gonzi, bl-attakkant ixellef b’intelliġenza lejn GUŻI XUEREB li skorja minn pożizzjoni ideali. Ħames minuti wara, GUŻI XUEREB reġa’ skorja meta kompla għal ġewwa wara li xutt ta’ Joe Galea kien salvat parzjalment.

B’żewġ doppjetti ta’ Curmi u Xuereb, kien għad jonqos il-gowl tal-aqwa skorer tal-kampjonat. ERNEST SPITERI GONZI niżżel ismu fost l-iskorers fid-79 minuta b’daqqa ta’ ras wara azzjoni tajba mil-lemin ta’ Costantino Consiglio. Fi tmiem il-logħba, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien Giuseppe Mifsud Bonnici ppreżenta t-trofew lill-captain ta’ Hibernians Gużi Xuereb, fost il-ferħ tal-partitarji Pawlisti li kienu preżenti.