Lokali

Il-ħaddiema tal-Air Malta b’rabja għall-Gvern

Sadattant Karl Stagno Navarra jibqa; jimpala l-għexieren tal-eluf tal-ewro minn fuq dahar l-Air Malta!

Il-ħaddiema tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta huma urtati u rrabjati għall-Gvern li fid-deċiżjonijiet tiegħu f’dawn il-mumenti mill-aktar delikati, qiegħed juri li ma japprezzax is-servizz u x-xogħol tal-ħaddiema full-time u part-time li spiċċaw bil-kuntratt tagħhom mhux se jiġġedded.

Il-ġimgħa l-oħra l-ħaddiema part-time tal-kumpanija kienu mgħarrfa li fi tmiem dan ix-xahar ta’ April, il-kuntratt tagħhom ma kienx se jiġġedded mill-ġdid u għalhekk kienu se jispiċċaw bla xogħol.

Sussegwentement anki ħaddiema (cabin crew) full-time kienu avżati b’aħbar simili u ngħadilhom li sal-aħħar tax-xahar huma se jispiċċaw bil-kuntratt tagħhom imġedded minn xahar għal xahar.

Sorsi infurmati li tkellmu ma’ il-mument qalu li l-parti l-kbira ta’ dawk li kienu infurmati b’din id-deċiżjoni huma ħaddiema li bdew jaħdmu mal-Air Malta f’Ottubru 2018. Dan ifisser li madwar żewġ terzi tat-338 cabine crew se jkunu bla xogħol mix-xahar id-dieħel.

Kuntattjat dwar dak li qiegħed jiġri fl-Air Malta, Robert Arrigo, il-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-PN u Kelliem għall-Isfidi fit-Turiżmu f’Dinja Ġdida, fisser li hi tal-mistħija kif il-Ministru Silvio Schembri li hu responsabbli mill-Air Malta, qiegħed jitratta lill-ħaddiema b’dan il-mod.

“Flok il-Ministru Silvio Schembri – Ministru li qiegħed juri li mhux għall-altezza tal-portafoll li suppost imexxi – qiegħed jimpenja ruħu li jgħin lil dawn il-ħaddiema li b’tant impenn u dedikazzjoni ħadmu għall-Air Malta, qed jgħidilhom li lill-full-timers lest li jagħtihom €1,200 fix-xahar u lill-part-timers kollha barra,” qal Robert Arrigo.

Hu kompla li hi tal-mistħija wkoll kif Silvio Schembri ma ta l-ebda serħan tal-moħħ u l-ebda garanzija ta’ xogħol lill-ħaddiema tal-Air Malta.

Hi ħasra li l-istess Silvio Schembri anqas kellu d-deċenza li jiltaqa’ mal-Union li tirrappreżenta lill-ħaddiema tal-Air Malta. Bla dubju ta’ xejn li jekk irid li jittieħed bis-serjetà, Silvio Schembri messu beda minn affarijiet oħra u mhux mill-ħaddiema full-time u part-time tal-Air Malta… filwaqt li mbagħad – fost l-oħrajn – għandu persuna li ngħatat pakkett ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro u ftit li xejn jidher fil-post tax-xogħol għaliex ikun band’oħra!

Is-sorpriża kerha lill-ħaddiema tal-Air Malta bdiet ftit tal-jiem ilu meta l-ħaddiema part-time kienu infurmati permezz ta’ korrispondenza elettronika, li l-impjieg tagħhom mal-kumpanija se jintemm hekk kif jintemmilhom il-kuntratt li għandhom.

Dawn il-ħaddiema, fosthom ħaddiema part-time li jservu bħala cabin-crew, kien ikollhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom imġedded kull sitt xhur. Bis-sitwazzjoni attwali, fejn l-ajruplani tal-Air Malta huma prattikament wieqfa, il-kumpanija ħasset li lil dawn il-ħaddiema kellha twaqqafhom biex tnaqqas l-ispiża tagħha.

Fil-verità bħalissa volum qawwi ta’ xogħol tal-kumpanija hu litteralment wieqaf u l-kumplament tal-ħaddiema – l-aktar dawk full-time – huma mħassba dwar il-futur tagħhom kemm-il darba din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza se tissokta tippersisti.

Il-linja prattikament waqqfet it-titjiriet kollha tagħha u għalhekk l-użu tal-ħaddiema hu mill-aktar minimu. Madankollu l-ittra tal-waqfien mix-xogħol lill-ħaddiema bil-kuntratt tqieset bħala sajjetta fil-bnazzi għaliex il-ħaddiema full-time kienu qed jittamaw li l-istess destin ma jkunx imiss lilhom ukoll.

Iżda l-Gvern kellu ħsibijiet oħra fuq l-istess, u b’korrispondenza elettronika oħra informa wkoll lil madwar 140 ħaddiem full-time li jservu fil-cabine crew li iżda qegħdin b’kuntratt definit li sakemm il-Union of Cabin Crew (UCC) ma taċċettax paga aktar baxxa għalihom, allura l-kuntratt tagħhom ma kienx se jkun imġedded.

Fl-isfond ta’ dan ix-xenarju, numru minn dawn il-ħaddiema tal-Air Malta milquta direttament mill-miżuri tal-Gvern – tal-Ministru Silvio Schembri – mistennija jieħdu azzjoni legali minħabba dak li qed ikun ippreżentat lilhom bħala miżuri ta’ xogħol.

Ħaddiema tal-Air Malta li f’dawn il-jiem tkellmu magħna qalulna li huma dejjem taw l-aqwa tagħhom lill-kumpanija nazzjonali tal-ajru u li issa jistennew li jkunu rispettati.

Mariah Mula, kelliema għal dawn il-ħaddiema tal-Air Malta, tinsisti li l-ħaddiema jifhmu li s-sitwazzjoni attwali ħolqot inċertezzi għall-kumpanija, madanakollu l-ħaddiema issa jistennew li jkunu trattati b’dinjità u li l-vuċi tagħhom tinstema’.

Mariah Mula qed tirrappreżenta għadd ta’ ħaddiema li għażlu li jiftħu ittra legali biex isemmgħu leħinhom. Huma qed jgħidu li: “L-ekwipaġġ tal-kabina, irrispettivament jekk kinux impjegati mal-Air Malta fuq bażi indefinita, definita, full-time jew part-time, dejjem taw l-aħjar tagħhom lill-kumpanija.

“Dawn jistennew li jkollhom serħan tal-moħħ u li ma jaffordjawx li l-bibien jingħalqu f’wiċċhom minn min iħaddimhom jew mill-union tagħhom f’punt bħal dan.”