Lokali

Il-PN bi proposti favur is-saħħa tal-poplu, l-ekonomija, ix-xogħol u l-enerġija

Proposti studjati u mfassla b’diskussjonijiet interni ma’ gruppi ta’ esperti f’diversi setturi, Membri Parlamentari, imsieħba soċjali u NGOs

Il-validità tal-proposti mressqa mill-Partit Nazzjonalista f’dawn il-mumenti iebsa li qed ngħixu fihom bħalissa, b’risposta għall-istaġnar ekonomiku u waqfien mix-xogħol ikkawżati mill-COVID-19, jieħdu dimensjoni akbar hekk kif qed ma’ kull ġurnata tkompli tissaħħaħ il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll tal-imsieħba soċjali f’pajjiżna biex il-gvern juri solidarjetà ma’ kulħadd u jkun ta’ sostenn għal kull min qiegħed ibati għax qed jintlaqat ħażin.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fl-aħħar ġimgħat kompla jisħaq li dan hu l-mument li fih il-pajjiż irid juri d-determinazzjoni tiegħu li jgħin u jkun spalla mal-ħaddiem Malti u Għawdxi biex ma jaqax lura. Iżda kollox jindika li l-Gvern għadu maqtugħ mit-tbatijiet u d-diffikultajiet ta’ min iħaddem u tal-ħaddiema.

F’intervista mal-Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet tal-Parlament u Kelliem għall-Familja b’Saħħita, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal, David Agius, fisser li f’dawn l-aħħar ġimgħat seħħew ċirkostanzi straordinarji li wasslu lil pajjiżna biex jgħix ħajja xejn normali.

Il-PN hu obbligat li jwettaq skrutinju tal-miżuri li jieħu l-Gvern, b’mod partikulari b’rabta mal-COVID19 u l-effetti tiegħui fuq il-familji u n-negozji Maltin.

David Agius fisser li dawn il-proposti mressqa mill-PN huma studjati bir-reqqa u mfassla b’diskussjonijiet interni ma’ gruppi ta’ esperti f’diversi setturi, ma’ Membri Parlamentari, mal-imsieħba soċjali u ma’ NGOs oħrajn, u sadattant il-PN qiegħed jisma’ ħafna x’qed jistennew minna n-nies hemm barra.

“Qed nisimgħu lil dawk li għalihom din il-kriżi għall-għarrieda tfisser perjodu ta’ inċertezza u faqar, lil dawk li diġà sfaw mingħajr impjieg, lil dawk li kellhom jagħlqu n-negozju jew il-lukanda tagħhom, itemmu l-impjieg ta’ persuni li ħadmu magħhom għal snin sħaħ, jew saħansitra lil persuni li tilfu għalkollox in-negozju tagħhom. Din hi r-realtà tal-kriżi u mhux il-logħob bin-numri tal-Ministri tal-Gvern.”

Hu spjega li hu ta’ dieqa l-fatt li l-Gvern preżenti ma kellux il-ħeffa u l-viżjoni mill-bidu nett tal-kriżi, meta kienet tidher ċara fix-xefaq.

“Minkejja l-bosta appelli tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru Robert Abela ma tax widen, webbes rasu u dam biex irrealizza li dan il-virus se jaqleb ħajjitna ta’ taħt fuq, u l-miżuri li ppreżenta b’ħafna pompa bin-naqra n-naqra rnexxielhom idgħajfu l-momentum tar-ritmu li konna qbadna, mewtu l-fiduċja u l-kunfidenza tan-nies fl-ekonomija u xejnu għalkollox is-serħan il-moħħ għax ħallew ħafna inċertezzi. L-injezzjonijiet li ta l-gvern kienu bl-iskossi, ftit u tard.”

Hu kompla li l-Gvern irreaġixxa meta ra l-makna qed tmajna. “Malli ra l-magna qed tmajna, il-Gvern ried ikun pront jagħtiha ż-żejt b’injezzjonijiet finanzjarji diretti, fost l-oħrajn, biex ma jonqosx f’daqqa r-ritmu mgħaġġel li konna għaddejjin bih.”

David Agius fakkar kif fi tmiem il-Milied li għadda, l-ekonomija tagħna kienet diġà ħadet daqqiet kbar bil-kriżi kostituzzjonali li kien daħħalna fiha Joseph Muscat dak iż-żmien minħabba l-mod li bih Muscat u sħabu kienu żarmaw ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiżna.

Mistoqsi dwar il-miżuri li daħħal il-Gvern fl-aħħar jiem, David Agius fisser li dawn il-miżuri u oħrajn li għad irid jintroduċi, wieħed kien jippreferihom li ddaħħlu minnufih u kollha f’daqqa. Wieħed kien jistenna wkoll li dawn il-miżuri jkunu aktar komprensivi, xierqa u effettivi.

“Ridna miżuri li jemmnu aktar fil-poplu kollu u mhux f’setturi individwali. Ridna miżuri li jkunu maħsubin bil-għaqal, li jagħtuna l-kuraġġ u li jevitaw il-qgħad akkost ta’ kollox. “Għedna li sitwazzjoni straordinarja tkun teħtieġ miżuri straordinarji u allura minflok jippreżenta pakketti taparsi ġenerużi biex jidħak bin-nies, il-Gvern kellu jagħti s-serħan il-moħħ lis-self-employed, lill-investituri, lill-kummerċjanti li tant ħadmu għas-surplus ħalli naraw li ma jintilifx impjieg wieħed jew li ma jfallix negozju wieħed minħabba l-kriżi.”

David Agius fisser li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, b’mod kollettiv u kompatt sa mill-bidu nett, ippreżentat bosta proposti, fost l-oħrajn b’rabta mas-saħħa, mal-ekonomija u x-xogħol u mal-enerġija.

Hawnhekk tkellimna dwar il-vulnerabbiltajiet kbar li qed joħorġu fid-deher f’dak li jirrigwarda t-tmexxija tal-pajjiż u l-Viċi Kap tal-PN fisser li b’din il-kriżi qed inħossu aktar il-prezz qares li qed inħallsu għall-korruzzjoni u l-inkompetenza tal-Gvern, bl-akbar eżempju flagranti jkun il-ftehim skandaluż ma’ Vitals u Steward Healthcare.

“Din il-kriżi qed turi lil kulħadd kif l-ekonomija kienet qed tikber għax il-Gvern iddeċieda li jżid il-popolazzjoni. Imbagħad, f’radda ta’ salib, il-Ministru Silvio Schembri kien se jibgħat lill-ħaddiema barranin bla impjieg lura lejn pajjiżhom!”

“Rajna li fejn jidħol il-prezz tal-enerġija għall-familji u n-negozji Maltin, il-Gvern issa kkonferma dak li ilha tgħid l-Oppożizzjoni – li għandu jdejh marbutin minħabba kuntratti korrotti u bejgħ tal-assi tiegħu lil kumpaniji privati u barranin b’kundizzjonijiet li jivvantaġġjaw lill-privat u mhux liċ-ċittadini.”

David Agius spjega li l-Gvern ta lil dawn il-kumpaniji barranin il-poter li jiddeċiedu huma l-prezzijiet li jħallsu l-familji u n-negozji Maltin għad-dawl, l-ilma u l-fjuwil. Dan ikkonfermah saħansitra l-Ministru għall-Finanzi stess meta f’intervista mat-Times of Malta, ammetta li d-deċiżjoni tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl tinsab f’idejn iċ-Ċiniżi li xtraw parti mill-Enemalta.

Mhux bilfors li allura ħafna jduru fuq l-istess Ministru Edward Scicluna u jistaqsuh kif jippretendi li jkunu l-familji Maltin li jintalbu jħallsu għall-iżbalji tiegħu u ta’ sħabu. Dan japplika direttament, fost l-oħrajn, għall-ftehim li Konrad Mizzi u Joseph Muscat għamlu mal-kumpanija privata Electrogas biex l-Enemalta tixtri l-elettriku mingħandha bi prezzijiet fissi għal 18-il sena sħaħ.

David Agius fakkar f’dak li qal l-Awditur Ġenerali dwar dan il-ftehim fis-sens li l-istess Awditur Ġenerali jsib mijiet ta’ nuqqasijiet kbar u li fi kliemu stess, ix-xiri tal-elettriku mill-interconnector tal-PN – proġett imħallas b’fondi tal-Unjoni Ewropea – hu orħos u ma jniġġisx, meta mqabbel max-xiri tal-elettriku mingħand l-Electrogas. Għal darb’oħra rridu nħallsu aħna għall-korruzzjoni tagħhom.”

U hawnhekk jidħlu fis-seħħ il-proposti tal-PN maħsuba għal dawn iż-żminijiet diffiċli u biex il-poplu Malti, partikularment dawk fir-riskju tal-faqar jew dawk li diġà jinsabu fil-faqar, itaffu mill-piżijiet finanzjarji li qed iġorr.

David Agius spjega li l-PN qed jappella lill-Gvern biex b’effett mid-9 ta’ Marzu 2020 iraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji u n-negozji Maltin b’50% biex jirriflettu tassew il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt u tal-gass.

Hu fakkar li tali appell tar-roħs fil-kontijiet kien għamlu l-Partit Laburista fl-eqqel tal-kriżijiet tal-2010, meta l-prezz internazzjonali taż-żejt dak iż-żmien kien $140-il barmil, u allura hu ferm aktar ġust u xieraq li l-PN jappella lill-Gvern biex iraħħas il-kontijiet tad-dawl meta l-prezz taż-żejt illum niżel saħansitra sa $20 il-barmil.

Hu qal li l-PN jemmen li din kellha tkun miżura temporanja iżda b’saħħitha u mmirata għal kulħadd. Hawnhekk hu fakkar kif attwalment bil-ftehim li għamel Joseph Muscat u Konrad Mizzi, Malta, kull sena qed tħallas €40 miljun żejda lill-Electrogas għall-gass li din il-kumpanija tixtri mingħand ix-Shell tramite l-kumpanija Socar tal-Ażerbajġan.

“Illum iċ-ċifri qed juru li l-prezz tal-elettriku bl-ingrossa fl-Ewropa roħos b’madwar 10% u 30% bejn Jannar u Frar ta’ din is-sena.

“Għalhekk, skont il-kalkoli li għamilna mal-esperti, bil-prezz internazzjonali tal-lum, pajjiżna għandu jiffranka ċirka €86 miljun – €72 miljun għall-gass flimkien ma’ €14-il miljun għaż-żejt fis-sena u jidhrilna li dan l-iffrankar enormi għandu jgawdih il-poplu.”

Mistoqsi dwar il-proposta li qed jagħmel il-PN f’dan ir-rigward, David Agius qal li dwar dan il-PN qed jappella lill-Gvern biex iraħħas ukoll il-prezzijiet tal-fjuwil. Fl-Ewropa, id-diesel u l-petrol raħsu b’medja ta’ 10ċ u dan ir-roħs jista’ jkun innutat fil-pajjiżi Ewropej kollha, iżda f’Malta l-prezzijiet baqgħu l-istess.

“Mill-kalkoli tagħna u tal-esperti li tkellimna magħhom, il-prezzijiet f’Malta jistgħu jorħsu sa 30ċ għal kull litru għad-diesel u għall-petrol.”

Dwar it-traħħis tal-eko-kontribuzzjoni hekk kif proprost mill-PN, David Agius spjega li fid-dawl tal-fatt li issa aktar il-familji qed iqattgħu l-ġranet tagħhom kollha fi djarhom u ammont kbir ta’ ħaddiema qed jaħdmu mid-dar tagħhom, wieħed jistenna li dawn jikkunsmaw aktar elettriku.

“Għalhekk il-PN jidhirlu li l-limitu ta’ 1,750 unit fis-sena, jiġifieri madwar 4.79 kuljum, se jinqabeż u allura l-familji se jitilfu t-tnaqqis tal-eko-kontribuzzjoni.

“Fiċ-ċirkustanzi attwali jidhrilha li dan mhux ġust u l-Gvern għandu jieħu l-miżuri adegwati billi jwessa’ l-bands tal-eko-kontribuzzjoni sakemm tgħaddi din il-kriżi.”

David Agius tenna li l-PN jissuġġerixxi wkoll lill-Gvern biex jimmira miżura b’rabta mal-ilma. L-awtoritajiet tas-saħħa qed jappellaw kontinwament lill-familji biex jaħslu jdejhom sikwit u jieħdu ħsieb l-iġjene ta’ djarhom u allura rridu naġġustaw ċerti limiti fejn jidħol il-konsum tal-ilma.

“Nafu li meta jinqabeż it-33m3 ta’ ilma kull persuna, nibdew inħallsu bil-€5 għal kull metru kubu. Jidhrilna li l-Gvern għandu jipprovdi traħħis fl-ilma biex itaffi din l-ispiża addizzjonali jew li-Gvern jagħti sussidju ta’ darba fuq l-ilma lil kull familja ta’ mill-inqas €30 ikkreditat lill-kontijiet kollha.

Mistoqsi dwar is-sussidju fuq ir-renta tal-arloġġi tad-dawl u l-ilma għan-negozji, David Agius fisser li din l-għajnuna għandha tingħata mhux biss lil dawk imħabbar mill-Gvern iżda b’mod speċjali lil dawk magħluqin b’mod sfurzat u xorta waħda qed jikkunsmaw l-elettriku. “Qed nirreferi, pereżempju għas-self-employed li għandhom freezers u makkinarju ieħor, għar-ristoranti, il-lukandi, u l-bqija.”

David Agius spjega li appell ieħor lill-Gvern hu fir-rigward tas-serq fil-mod kif jinħadmu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. “Dan ilna xhur u snin nitolbuh u Joseph Muscat kien wegħed li s-sistema se tinbidel is-sena li għaddiet, iżda s’issa għadna ma smajna xejn.

“Konna sibna saħansitra persuna li mill-1 ta’ Jannar sal-aħħar ta’ Diċembru ta’ sena partikolari kienet insterqet €600. U hemm ukoll kawża l-Qorti fejn persuna xehdet li offrewlha li jaqtgħulha €300 mill-kont bil-patt u l-kundizzjoni li tiskot.”

Dwar il-prezzijiet tal-gass fejn f’dawn il-jiem ċilindru ta’ 12-il kilo raħas b’€1. David Agius qal li aħna lqajna dan ir-roħs b’sodisfazzjon, iżda ġbidna l-attenzjoni wkoll li dan ir-roħs ma kienx mertu tal-Gvern kif ipprova jinganna jgħid, iżda kien roħs li mmatura minħabba l-prezzijiet internazzjonali.