Internazzjonali Knisja

Ħadd il-Għid b’differenza….il-quddiesa tal-Papa b’messaġġ qawwi ta’ kuraġġ

Il-Papa Franġisku iċċelebra Ħadd il-Għid b’quddies wara l-bibien magħluqa fil-Bażila ta’ San Pietru fil-Vatikan.

Intant, il-messaġġ ewlieni ‘Urbi et Orbi’ mingħand il-Kap tal-Kattoliċi waqt dan il-‘Ħadd il-Għid virtwali’ kien biex ‘tinfirex it-tama fost il-bnedmin’, fost it-theddida attwali mill-coronavirus.

Sadanittant, il-Papa sejjaħ għal solidarjetà globali fl-impenn kontra l-pandemija u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, waqt li ħeġġeġ biex jonqsu s-sanzjonijiet internazzjonali u l-piż tad-dejn għall-ifqar pajjiżi. Appell imqanqal ieħor kien għal waqfien mill-ġlied fit-teatri tal-gwerra kollha madwar id-dinja.

L-avvenimenti tal-Ġimgħa Mqaddsa għal din is-sena kienu modifikati biex isiru mingħajr il-preżenza tal-pubbliku b’kaġun tal-potenzjal għall-infezzjonijiet mill-Covid-19.

Il-Pspa anki ‘bidel’ l-indirizz tradizzjonali lill-folol li s-soltu jinġabru fi Pjazza San Pietru (f’Ruma) b’messaġġ online li kien iddedikat kważi kollu kemm hu lill-effetti li l-pandemija qed tħalli għar-relazzjonijiet personali u internazzjonali.

Il-Quddiesa tal-Għid tas-Sena li għaddiet kienet attirat ‘il fuq minn 70,000 devot. Intant, l-Italja – li hi fost l-agħar pajjiżi milqutin bil-coronavirus  — tinsab f’lockdown minħabba l-potenzjal ta’ infezzjonijiet ġodda bil-Covid-19, bil-pulizija jżommu għassa stretta mal-entratura għall-Vatikan.

Il-Papa Franġisku qed iħeġġeġ biex in-nies ‘ma jċedux għall-biża’ b’konsegwenza tal-coronavirus waqt li qal li n-nies tad-dinja għandhom iservu bħala ‘messaġġiera u promoturi tal-ħajja fi żmenijiet ta’ mewt u niket’.

Sadanittant, il-Papa wissa lill-Unjoni Ewropea li qed tissogra kollass f’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn il-pajjiżi dwar kif huma għandhom jgħinu biex ir-reġjun jirkupra.

Il-Papa ma  naqasx milli jfaħħar lit-tobba, l-infermiera u oħrajn li qed jissugraw ħajjithom biex jgħinu lil ħaddieħor, waqt li sellem ukoll lill-ħaddiema li qegħdin iżommu lis-servizzi essenzjali għaddejjin.

‘Issa mhux żmien l-indifferenza għaliex id-dinja kollha qed tbati u neħtieġu l-għaqda biex nikkonfrontaw din il-pandemija…Kliem bħal ‘indifferenza’ u ‘diviżjoni’ ma japplikawx għal din is-sitwazzjoni u jkun tajjeb jekk id-dinja ma tismax bihom aktar’, kompla l-Papa.

Il-Kap tal-Kattoliċi esprima simpatija għal dawk kollha li ma setgħux jagħtu l-aħħar tislima lill-għeżież mitlufa minħabba r-restrizzjonijiet dovuti għall-coronavirus, waqt li enfasizza li ‘f’dawn il-ġimgħat inbidlu l-ħajjiet ta’ miljuni ta’ nies’.

Messaġġ ieħor kien biex il-politiċi u l-gvernijiet jevitaw ‘l-egoiżmu u jieħdu azzjoni deċiżiva biex jgħinu lill-popolazzjonijiet ta’ xulxin biex jgħaddu min din il-kriżi u, eventwalment, ikomplu bil-ħajja normali’.

Il-Papa, imbagħad, esprima tħassib partikulari għall-futur tal-Ewropa, fejn qal li hu importanti li r-rivalitajiet li eżistew qabel it-Tieni Gwerra ‘ma jkunux espressi mill-ġdid bil-forza’ bħala riżultat tal-pandemija.

L-Istati tal-Unjoni Ewropea huma maqsumin dwar kif jistgħu jgħinu lill-ekonomija tal-kontinent biex tirkupra, bl-Italja u pajjiżi-membri oħra qegħdin jitolobu għall-euro bonds bl-appoġġ tal-pajjiżi-membri kollha — u bil-Ġermanja, l-Olanda u pajjiżi oħra qed jopponu għal dan.

‘L-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja sfida epokali u li minnha jiddependi mhux biss il-futur tagħha iżda anki l-futur tad-dinja’, sostna l-Papa li enfasizza li ‘issa mhux żmien id-diżgwid bejn l-Istati membri.’

Hu temm il-messaġġ għall-Għid b’appell għal għajnuna lill-immigranti u oħrajn li qegħdin ibatu minn aspett umanitarju b’kaġun ta’ sensiela ta’ konflitti.