Sir Stirling Moss miet illum fl-età ta’ 90 sena. Hu jibqa’ mfakkar bħala wieħed mill-aqwa sewwieqa tal-Formula 1 li qatt ma rebaħ il-kampjonat. Hu spiċċa erba’ darbiet fit-tieni post u tliet darbiet fit-tielet post. Hu kellu karriera fil-Formula 1 bejn l-1951 u l-1961 b’total ta’ 66 Grand Prix. Moss saq karozzi Vanwall, Maserati u Mercedes u għal xi snin kien fl-istess tim mal-ħames darbiet rebbieħ Juan Manuel Fangio.
Fl-għaxar snin karriera, il-Britanniku kiseb 16-il rebħa fosthom ir-rebħiet f’Monaco u l-Ġermanja fl-1961, bl-ewwel rebħa tasal f’Aintree fl-1955. Hu kien sfurzat jirtira fl-1962 wara ħabta kbira f’Goodwood li wasslet biex għamel xahar f’koma u sitt xhur parzjalment paralizzat.
Tul il-karriera tiegħu, Moss ma kienx jikkompeti biss fil-Formula 1 iżda f’diversi avvenimenti tal-karozzi b’total ta’ 212-il rebħa f’529 tellieqa li kkompeta. Wara li rtira, Moss baqa’ jagħmel dehriet f’diversi avvenimenti fosthom fil-Formula 1. Sal-età ta’ 81 sena, Moss baqa’ jsuq f’avvenimenti tal-leġġendi u rtira mill-ħajja pubblika fl-2018. Hu miet fid-dar tiegħu f’Londra, b’martu tikkonferma li miet mingħajr tbatija.
//= $special ?>