Tħabbret il-mewt ta’ Tony Cauchi, il-Majs, eks plejer ta’ Floriana FC li kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa fis-snin 50 u 60. Huwa lagħab 159 partita fil-Kampjonat Malti u skurja 125 gowl. Huwa skurja 45 gowl oħra fil-logħob tat-tazzi li kienu jsiru dak iż-żmien.
Cauchi twieled fil-Floriana fit-2 ta’ Mejju 1935. Huwa dam jilgħab għat-tim Furjaniż għal ħmistax-il sena.
Il-Majs għamel id-debut tiegħu fit-30 ta’ Novembru fl-1952 f’partita mill-kampjonat kontra Birkirkara. Huwa jibqa’ mfakkar fost l-oħrajn bħala l-ewwel plejer li skurja 4 gowls f’finali tal-FA Trophy, dan kien għamlu fl-1954 kontra Rabat Ajax. Dan ir-rekord kien intlaħaq minn Alfred Effiong fil-finali tas-sena li għaddiet bejn Balzan u Valletta, hekk kif l-istess Effiong kien skurja wkoll 4 gowls.
Huwa skurja wkoll l-ewwel gowl għat-tim nazzjonali Malti meta Malta lagħbet kontra l-Awstrija fi Frar tal-1957, Malta kienet tilfet bl-iskor ta’ 2-3.
Ma’ Floriana FC huwa rebaħ erba’ kampjonati. Rebaħ ukoll sitt darbiet l-FA Trophy, tliet Cassar Cups, darbtejn is-Scicluna Cup u darba t-Tazza tal-Indipendenza.
Tony Cauchi baqa’ attiv fil-lokal Furjaniż, anki fl-età li kellu. Huwa wkoll baqa’ jitla’ l-grawnd jagħti l-appoġġ tiegħu lill-Floriana FC. L-aħħar li tela’ l-grawnd kien fil-finali tal-FA Trophy tal-2017, fejn tal-Irish għelbu lil Sliema Wanderers bl-iskor ta’ 2-0.
//= $special ?>