Lokali

Jinqalbu numru ta’ dinghies bl-immigranti viċin Malta

Numru ta’ immigranti jidher li tilfu ħajjithom f’nofs ta’ baħar hekk kif id-dinghies li kienu fuqhom inqalbu.

L-NGO Sea Watch permezz ta’ Tweet qalet li mal-250 persuna nqalbu minn fuq erba’ dinghies li b’kollox fuqhom kien hemm bejn 47 u 85 persuna abbord.

Fl-istess Tweet Sea Watch qalu li l-Ewropa, f’jum l-Għid ħalliet lil dawn l-immigranti jmutu.

S’issa għadu mhux magħruf kemm huma l-persuni li tilfu ħajjithom.

Illum il-gazzetta il-mument żvelat li apparti s-47 immigrant li diġà jinsabu pass bogħod minn Malta, hemm ukoll 55 immigrant fuq dgħajsa oħra f’ibħra internazzjonali. Anke dawn talbu l-assistenza tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Kien mifhum li hemm anke dgħajsa b’85 immigrant li ħadd ma jaf il-pożizzjoni tagħhom.

Intant permezz ta’ stqarrija l-PN appella lill-Gvern biex jgħin lin-nisa u t-tfal li jinsabu bejn sema u ilma fl-ibħra Maltin.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista appellat għal sens ta’ tmexxija serja u konsistenti sabiex jittieħdu d-deċizjonijiet tajba fl-interess nazzjonali. Il-PN tenna li hawn il-ħtieġa li nħarsu l-ħajjiet filwaqt li ma nitilfux il-valuri tagħna u nispiċċaw bid-demm tal-innoċenti fuq idejna.