Numru ta’ pilloli mogħtija b’xejn mill-Gvern huma out-of-stock… il-pazjenti jieħdu r-risposta ta’ “jekk tridu ixtruhom intom bi fluskhom.”
Spiżerija partikolari f’San Ġiljan mhix toffri numru ta’ pirmli, fosthom dawk lil dawn li jbatu bil-kundizzjoni tal-pressjoni u tal-cholesterol.
Persuna li tkelmet ma’ Net News qalet li missierha, ta’ 54 sena ibati minn dawn il-kundizzjonijiet u saħansitra għandu problemi fil-kliewi. Jekk hu ma jiħux dawn il-pirmli, il-kliewi jiġu affetwati b’mod ħazin. Minn borża sħiħa, jiġifieri ħames tipi differenti ta’ pirmli, l-ebda minnhom ma ngħataw dan ix-xahar.
Iżda dawn mhumiex biss l-uniku affarijiet li qed jinkwetaw lin-nies rigward l-ispiżeriji.
Minn stħarriġ li sar mill-gazzetta ‘Illum’ jidher li hekk kif pajjiżna għaddej mill-pandemija tal-coronavirus, il-prezz tal-maskri u l-ingwanti żdied b’mod sostanzjali. Spiżjar partikolari saħaq li fejn qabel maskri f’pakkett ta’ sitta kienu jinbiegħu €1, issa maskra waħda qed tinbiegħ għal €1.25 u f’ċerti każi oħra saħansitra għal €4.95.
L-istess qed jiġri għall-ingwanti li qed jinxtraw f’ammont kbir minn numru ta’ persuni, minkejja li l-Professur tas-Saħħa, Charmaine Gauci wisset li dawn jistgħu jkunu iktar ta periklu jekk wieħed xorta waħda imiss wiċċu.
Minn spiżerija għal oħra l-prezz ivarja minn €6.80 għal €10.00 kull kaxxa ta’ mitt ingwanta.
Skont diversi spiżjara jidher li ż-żieda fil-prezz qed tkun importa min-naħa tal-manifatturi, u għalhekk l-ispiżeriji ma kellhom ebda għażla oħra ħlief li jgħollu l-prezz.