Knisja Lokali

L-Għid b’differenza – Jitkellmu l-mexxejja tal-Knisja Kattolika

Il-Knisja Kattolika ċċelebrat l-akbar festa tagħha, dik tal-Għid il-Kbir; festa li tfakkar il-qawmien mill-imwiet ta’ Sidna Ġesù Kristu.

Dan il-jum minn dejjem ikun assoċjat mal-purċissjonijiet ta’ Kristu Rxoxt madwar il-gżejjer Maltin li jiġbdu l-eluf. Iżda għal din is-sena, dawn il-purċissjonijiet ma sarux fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa minħabba l-pandemija tal-COVID-19 biex b’hekk, il-Maltin kellhom jiċċelebraw dan iż-żmien qaddis fi djarhom.

Filgħodu saret il-quddiesa ta’ Ħadd il-Għid fil-kappella tal-Kurja, immexxija minn Monsinjur Arċisqof Charles J. Scicluna – ċelebrazzjoni illi fiha spjega kif l-Għid hi il-festa tal-ħelsien tagħna bħala individwi, fejn il-bniedem jitnaddaf – it-tranżizzjoni mill-jasar għall-ħelsien, u l-pass lejn it-tiġdid.

Monsinjur Scicluna qal illi din hija l-istedina li qed jagħmlilna Ġesù llum, biex fiċ-ċirkustanzi attwali li tinsab fihom id-dinja, nitrejqu bil-kliem li jwassal lil Kristu Rebbieħ.

Matul din iċ-ċelebrazzjoni, l-Arċisqof wassal messaġġ speċjali lill-professjonisti kollha fl-isptarijiet.

U f’nofsinhar il-Papa Frangisku wassal il-barka Urbi et Orbi mill-Vatikan, wara l-quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru.

Il-Papa Franġisku fost l-oħrajn talab għad-dinja kollha u talab ukoll għal dawk vulnerabbli u dawk kollha li qed ibatu s-solitudni.

Il-marda tal-Coronavirus kellha biddlet kompletament il-mod kif il-mexxejja tal-knejjes madwar id-dinja jwasslu l-messaġġi tagħhom tal-Għid.

Fir-Renju Unit, l-Arcisqof ta’ Canterbury indirizza lill-fidili b’ċelebrazzjoni imxandra mill-kċina tiegħu. Filwaqt li fil-Filippini, kien hemm kappillan li waħħal ritratti tal-parruċċani tiegħu mal-bankijiet tal-knisja biex iħoss il-kongregazzjoni viċin tiegħu.

Fatt stramb seħħ fil-Belarus, fejn il-gvern injora l-appelli tal-Organizzazjoni Dinjia tas-Saħħa u n-nies xorta tħallew imorru l-knisja għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid. Intant, il-Ħadd filgħaxija fil-Katidral ta’ Milan ittella’ kunċert uniku mit-Tenur Andrea Bocelli bħala rigal lill-poplu Taljan f’jum l-Għid, f’turija ta’ sostenn f’dan iż-żmien ta’ sfidi enormi.