Internazzjonali

L-Istati Uniti tgħaddi lill-Italja bħala l-aktar pajjiż b’imwiet mill-coronavirus

L-Istati Uniti, fl-aħħar sigħat, għaddiet lill-Italja bħala l-pajjiż bl-akbar ammont ta’ imwiet mill-coronavirus fid-dinja.

L-aħħar informazzjoni provduta minn Johns Hopkins University ( għalissa) uriet li mietu ‘il fuq minn 20,000 fl-Istati Uniti mill-effetti tal-Covid-19.

It-tragward iswed kien ikkonfermat ftit wara li l-Istati Uniti kienet saret l-ewwel pajjiż fid-dinja li rreġistra ‘il fuq minn 2,000 mewta mill-virus għal ġurnata waħda biss.

Skont l-istatistika, matul il-jum, l-Italja kienet irrappurtat 19,468 mewta ( bħala total) mill-coronavirus ( ċifra li kellha tkun aġġornata matul il-lejl), bl-Istati Uniti jkollha 20,608.

Hemm talanqas 529,951 każ tal-Covid-19 madwar l-Istati Uniti.

Anthony Fauci, li jmexxi lill-Istitut Nazzjonali għat-trattament tal-Mard li Jittieħed fl-Istati Uniti, qal li l-pajjiż ‘qed jibda jara l-massimu tal-livell tal-infezzjonijiet u imwiet mill-Covid-19’ — iżda wissa biex in-nies jibqgħu jħarsu regolarment il-miżuri ta’ prekawzjoni, fosthom il-ħtieġa għal social distancing.

Fil-fatt, ir-rakkomandazzjonijiet federali għal social distancing li ħareġ il-President Amerikan Donald Trump se jibqgħu effettivi sat-30 ta’ April fl-Istati Uniti. Dan meta l-President anki qed jiffaċċja l-impatt terribbli tal-coronavirus għall-ekonomija ta’ pajjiżu, b’talanqas 16-il miljun impjieg jintilfu fl-Istati Uniti fil-ġimgħat riċenti.

Il-Gvernatur tal-Istat ta’ New York, Andrew Cuomo, fi tmiem il-ġimgħa qal li l-livell tal-imwiet mill-coronavirus f’dan l-Istat jidher qed jistabbilizza… Iżda hu sostna wkoll li ċ-ċifri tal-vittmi fi New York xorta huma ‘terribbli’ waqt li jirriflettu ‘l-uġigħ u s-sens tat-telfa inkredibbli’.

L-Istat ta’ New York sar l-epiċentru tal-pandemija fl-Istati Uniti, fejn hemm irreġistrati aktar minn 180,000 fost il-530,000 każ ta’ infezzjoni f’dan il-pajjiż.

Intant, kull Stat Amerikan iddikjara sitwazzjoni ta’ diżastru dovuta għall-pandemija tal-Covid-19.