Lokali

”Lil ommna bid-dimensja ilna ma narawha mal-ħames ġimgħat”

Familja tirrakkonta d-dispjaċir tagħha li mhix tara lin-nanna li tinsab f'dar tal-anzjani

Storja tassew umana dik ta’ familja tipika li fil-kontenut tagħha tirrifletti l-istorja li simili għaliha għaddejjin ħafna familji oħra… dik ta’ familja li minħabba ċ-ċirkustanzi xejn normali li għaddejjin minnhom bħalissa, ma jistgħux jaraw lin-nanna li tinsab f’dar għall-anzjani.

Il-ġurnalist ta’ Net News Joe Mikallef iltaqa’ ma’ Maria u Carmen, tnejn minn ulied din l-anzjana li tbati anki bid-demensja. Kemm Maria kif ukoll Carmen għandhom il-familja tagħhom. Għandhom ukoll ħuthom oħra li wkoll għandhom il-familji tagħhom.

F’dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa u l-Għid il-Kbir, il-qasma ta’ qalb tagħhom hi li għall-ewwel darba f’ħajjithom mhux se jkunu fil-viċin ta’ ommhom għas-sempliċi raġuni li minħabba li l-anzjana qiegħda f’dar għall-anzjani, huma mhumiex jitħallew iżuruha.

“Qabel ma faqqgħet il-coronavirus konna mmorru nżuruha kuljum. Daqqa jien. Daqqa oħti. Daqqa ħutna l-oħrajn. Kulħadd kellu l-ġurnata tiegħu meta jmur jara l-ommi. U naturalment kulħadd kien joħdilha xi ħaġa tal-ikel miegħu. Għax lil żaqqha tħobba u l-ikel tad-dar ma tibdlu ma’ xejn.

“Iżda mbagħad ħarġu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa u waħda minnhom kienet dik li l-anzjani residenti fi djar tal-anzjani ma jistgħux isirulhom żjarat minn membri tal-familja bħala raġuni ta’ prekawzjoni. Fiha nnifisha din hi miżura tajba, iżda aħna mweġġa’ ħafna li ma nafux ommi kif inhi tassew.

“Nitkellmu magħha bit-telefon, iżda fl-aħħar mill-aħħar il-firda kiefra wisq. U kemm se ndumu f’din is-sitwazzjoni ma nafux. Ninkwetaw ħafna għaliha, aktar u aktar meta nċemplulha u ma tirrispondix, jew inkella taqtalna fil-qasir,” spjegatilna Maria.

Oħtha Carmen qalet li anki t-tfal tagħhom spiss jistaqsu għan-nanna. “Meta se mmorru ħdejn in-nanna? Meta se noħorġuha xi ftit lin-nanna? Naturalment it-tfal il-kbar jifhmu dak li għaddejjin minnu bħalissa, imma t-tfal iż-żgħar ma jifhmux. Anki f’dawn il-jiem meta konna qed nagħmlu l-figolli, iż-żgħir staqsieni jekk jista’ jagħtihielha hu l-figolla kif jagħmel is-soltu!”

Maria u Carmen, li t-tnejn li huma ma laħqux il-gwerra, qalulna li iżda minn dak li qed jisimgħu s-sagrifiċċji li qed ikollhom jagħmlu llum il-familji huma aktar diffiċli minn dawk li għamlu missirijietna.

“Għax fi żmien il-gwerra lil missirijietna ħadd ma kien jgħidilhom li ma jistgħux joħorġu barra. U fir-rigward tal-għadu… kulħadd kien jaf min kien l-għadu. Issa qed jgħidulna biex nibqgħu ġewwa u l-għadu tagħna ma nafux min hu… għajr biss li hu għadu qattiel.”

Maria u Carmen sellmu lill-infermieri u lill-carers kollha li jieħdu ħsieb l-anzjani fir-residenzi għall-anzjani f’Malta u f’Għawdex u qalu li għalkemm xi nuqqasijiet ikun hemm, madankollu huma għandhom esperjenzi mill-aktar pożittivi ta’ dawn in-nies li jmorru lil hinn mid-doveri tagħhom biex il-ħajja tal-anzjani tkun waħda komda u kalma.

Hawnhekk tkellimna dwar il-kwalità ta’ ħajja li kienu jgħixu l-ġenituri tagħhom. “Il-papa kien jaħdem fil-privat u ommi qatt ma ħadmet. Konna ħamest aħwa u qatt ma naqasna xejn. Konna ngħixu kuntenti u ferħanin. Konna nifirħu mix-xejn. Missieri u ommi kellhom id-dar tagħhom.

“Dan jikkuntrasta ħafna mal-ħajja llum. Illum jien ngħix fil-kera. Aħna d-dar naħdmu jien u anki r-raġel u dejjem jonqosna. Il-paga ttir f’leħħa ta’ berqa. Kera wara oħra. Il-bżonnijiet il-ħin kollu ġejjin. Daqqa t-tfal. Daqqa mediċini. Fid-dar dejjem jonqos… u llum kif sirna l-paga m’għadhiex tlaħħaq sal-aħħar tax-xahar,” qalet Maria.

Minn naħa tagħha Carmen spjegat kif anki hi għandha diffikultajiet biex iġġebbed il-paga tagħha u tar-raġel sal-aħħar tax-xahar. “Anzi issa għandna problema oħra għaliex ir-raġel jaħdem fil-catering u bħalissa weqfin għalkollox. Min-naħa l-oħra jien nagħmel xogħol ta’ tindif fid-djar u kważi lkoll waqqfuni bħala prekawzjoni.

“Mhux żminijiet sbieħ dawn li qed ngħixu bħalissa. Trid toqgħod attent ħafna. Kull ewro jgħodd… u l-problema hi li kemm-il darba din is-sitwazzjoni se tieħu fit-tul, allura ma nafx x’se jiġri.”

Dan id-diskors hi qalitu waqt li oħtha Maria fakkritha f’żewġ neputijiet ta’ ħuthom li twaqqfu mix-xogħol tagħhom u ma jafux x’se jagħmlu bil-loans li għandhom.

Wieħed minn dawn in-neputijiet kien jaħdem f’ristorant f’Wied il-Għajn. Dan ir-ristorant jinsab magħluq u l-ħaddiema kollha li kienu jservu fih spiċċaw bla xogħol. Skont dan in-neputi, qed tistqarr Maria, is-sid se jiġġennen minħabba l-loans li għandu, il-kirja għolja u anki l-provista ta’ ikel li probabbilment issa rmiha.

In-neputi l-ieħor ukoll jaħdem mat-turisti u wkoll twaqqaf mix-xogħol u m’għandu l-ebda ħjiel ta’ x’se jkun qed jiġri kemm-il darba s-sitwazzjoni tirritorna għan-normal. Bħan-neputi l-ieħor ukoll għandu djun xi jħallas kemm fuq il-post li xtara u anki fuq il-karozza.

Hawnhekk id-diskors waqa’ mill-ġdid fuq in-nanna li għandha aktar minn 70 sena. L-aħwa Maria u Carmen jitħassbu dwar il-kundizzjoni ta’ dimensja li għandha. “Tagħrafna u l-problema tad-dimensja mhix kostanti għaliex tarana kuljum. Imma issa x’se jiġri meta nerġgħu narawha? Għad tibqa’ tiftakarna? Xi drabi fuq it-telefon taqtgħalna fil-qasir… bħal tiddubita ma’ min tkun qed titkellem.”

Maria u Carmen qalulna li din hi l-problema ta’ ħafna familji oħrajn li bħalissa huma separati mill-anzjani tagħhom minħabba li dawn jinsabu f’xi dar tal-anzjani. “Nifhmu li ma tistax tħalli lin-nies iżuru lill-anzjani, iżda xi forma ta’ kuntatt fiżiku seta’ tħalla. Forsi ngħidu aħna darba fil-ġimgħa xi ħadd mill-familja jitħalla jżur lill-anzjani tiegħu. Biex hekk jibqa’ xi forma ta’ kuntatt fiżiku. Inkunu nistgħu neħdulha xi ikel u xi ħwejjeġ.”

Maria u Carmen temmew jawguraw li din is-sitwazzjoni tfittex tgħaddi kemm jista’ jkun malajr għaliex qed iġġib magħha ħafna tbatijiet. Min qed iġarrab tbatija mod għaliex naqaslu d-dħul finanzjarju. Min qed iġarrab tbatijiet mod ieħor għaliex ma jistax joħroġ mid-dar.

J’alla kollox ifittex jgħaddi biex il-ħajja terġa’ tibda tirritorna għan-normal u t-tfal jerġgħu jibdew imorru l-iskola u jgħibu l-perikli li hawn madwarna.