Futbol Sport

Marcello Lippi llum jagħlaq 72 sena

(Ritratt: EPA)

12 TA’ APRIL 1948

Il-kowċ Taljan Marcello Lippi llum jagħlaq 72 sena. Għalkemm kellu karriera bħala plejer primarjament ma’ Sampdoria, jibqa’ magħruf l-aktar bħala kowċ, speċjalment ma’ Juventus u t-tim nazzjonali Taljan. Il-karriera ta’ Lippi bħala kowċ tmur lura għas-sena 1985. Fl-ewwel seba’ snin hu mexxa timijiet żgħar fl-Italja b’esperjenzi ma’ Pontedera, Siena, Pistoiese, Carrarese, Cesena u Lucchese.

Fl-istaġun 1992/93 mexxa lil Atalanta sat-tmien post fis-Serie A u fl-istaġun ta’ wara sar kowċ ta’ Napoli fejn f’dak l-istaġun wassal lin-Naplitani sas-sitt post fis-Serie A u kwalifikazzjoni biex jilagħbu fit-Tazza UEFA. Dak l-istaġun wassal biex ġibed l-attenzjoni ta’ Juventus. Mal-Bianconeri, Lippi kellu l-akbar suċċess fil-karriera. Fl-ewwel staġun tiegħu dak tal-1994/95, Juventus rebħu s-Serie A u l-Coppa Italia.

(Ritratt: EPA)

B’tim b’saħħtu mimli plejers ta’ klassi bħal Gianluca Vialli, Fabrizio Ravanelli, Ciro Ferrara, Alessandro Del Piero eċċ, Juventus rebħu l-UEFA Champions League fl-istaġun 1995/96. Lippi dam imexxi lil Juventus sa Frar tal-1999. Fis-sajf tal-istess ingħaqad ma’ Inter iżda dam biss ftit aktar minn sena fit-tmexxija tat-tim. Fis-sajf tal-2001 reġa’ sar kowċ ta’ Juventus u dam għal tliet staġuni oħra. B’kollox, Lippi rebaħ 13-il unur fosthom ħames kampjonati.

Wara l-Kampjonat Ewropew tal-2004, Lippi sar il-kowċ tat-tim nazzjonali Taljan flok Giovanni Trapattoni. Il-kowċ li twieled fi Viareggio, għaqqad tim li spiċċa biex rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-2006 li saret fil-Ġermanja. Ftit wara, Lippi kien ħabbar li se jispiċċa minn kowċ tat-tim Taljan. Iżda wara d-diżappunt tal-Kampjonat Ewropew tal-2008, Lippi reġa’ nħatar fit-tmexxija minflok Roberto Donadoni. Sfortunatament għalih, it-tim Taljan iddiżappunta fit-Tazza tad-Dinja tal-2010 hekk kif bħala champions renjanti, l-Italja ġiet eliminata fil-fażi tal-gruppi, riżultati li wasslu għar-riżenja ta’ Lippi.

(Ritratt: EPA)

Wara ftit anqas minn sentejn mingħajr ma jmexxi klabb, Marcello Lippi beda esperjenza ġdida fiċ-Ċina bħala kowċ ta’ Guangzhou Evergrande. Bejn Mejju tal-2012 u Novembru tal-2014, Lippi rebaħ is-Super League tliet darbiet, it-Tazza u s-Super Cup Ċiniża kif ukoll iċ-Champions League tal-Asja. F’Ottubru tal-2016 inħatar kowċ nazzjonali taċ-Ċina u dam sa Jannar tas-sena l-oħra, biċ-Ċiniżi jkunu eliminati mal-aħħar tmienja tat-Tazza Asjatika fl-2019. Għalkemm irriżenja wara dik il-logħba, Lippi reġa’ nħatar kowċ nazzjonali taċ-Ċina f’Mejju flok Fabio Cannavaro. Madankollu t-tieni esperjenza kienet qasira hekk kif dam biss sa Novembru u għal dawn l-aħħar ħames xhur ma mexxa lill-ebda tim.