Lokali

Mistennija żieda ta’ familji li jgħixu fil-faqar u li jaqgħu lura

Għadd ġmielu ta' persuni jew spiċċaw diġà bħal xogħol jew se jispiċċaw bla xogħol fil-futur qrib

Persuni influwenti fil-kamp ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi u li jaħdmu kontinwament fil-ġlieda kontra l-faqar, huma mħassba li s-sitwazzjoni attwali fil-pajjiż tista’ twassal biex il-perċentaġġ ta’ familji u individwi fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar jiżdied fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Diġà hawn fostna mad-90,000 persuna li qed jgħixu fil-faqar jew inkella fir-riskju tal-faqar u s-sitwazzjoni preżenti qed tkompli titfa’ pressjoni kbira fuq l-istess persuni, aktar u aktar minħabba li d-dħul finanzjarju tal-istess individwi u familji kompla jonqos.

Espert fi ħdan Assoċjazzjoni Mhux Governattiva, li ma ridniex nuru l-identità tiegħu f’dan il-mument delikat tal-istorja li għaddej minnha pajjiżna, tkellem mal-ġurnalist ta’ Net News Joe Mikallef u stqarr miegħu li hu stat ta’ fatt li għadd ġmielu ta’ persuni jew spiċċaw diġà bħal xogħol jew se jispiċċaw bla xogħol fil-futur qrib kemm-il darba s-sitwazzjoni tal-COVID-19 tkompli tippersisti.

Kompla jgħid li xenarju ieħor li jrid isir hu bejn il-ħaddiema full-time u dawk part-time. L-ewwel li jlaqqtuha huma dawk part-time u fost dawn il-ħaddiema hemm għadd ta’ pensjonanti li jkollhom joħorġu jaħdmu litteralment għaliex id-dħul tagħhom mhux biżżejjed biex jgħixu ħajja deċenti, aktar u aktar jekk ikollhom bżonn ta’ xi mediċini.

Imbagħad warajhom ilaqqtuha l-part-timers żgħażagħ u dawk adulti. Fir-rigward tal-part-timers għaliex dawn jibdew jaħdmu biex jaqilgħu xi ħaġa tal-flus waqt li fl-istess waqt ikunu qed jaħdmu, u dawk adulti għaliex il-paga li jdaħħlu mhix biżżejjed biex tgħajjex familja.

Finalment, kemm-il darba l-morsa tibqa’ tissikka, jlaqqtuha wkoll il-full-timers li jispiċċaw b’sigħat imnaqqsa ta’ xogħol u allura bi dħul inqas għall-familja.

Dan ix-xenarju kollu qiegħed jinkwieta bis-sħiħ lil ħafna familji li jew diġà jinsabu f’diffikultajiet biex jgħixu jew inkella jinsabu fix-xifer li jaqgħu fil-faqar.

Agħar minhekk hi s-sitwazzjoni ta’ dawk l-individwi u familji li qed jgħixu f’postijiet bil-kera u filwaqt li sa ftit tas-snin ilu kienu jħallsu mal-€120 jew €200 fix-xahar, illum qed jintalbu jħallsu mat-€800 jew aktar fix-xahar.

Dawn l-individwi u familji għaddejjin minn kriżi serja anki għaliex ħadd ma jaf kemm se ttul din is-sitwazzjoni u d-dubji dwar kemm se tirkupra malajr l-ekonomija huma aktar minn ġustifikati.

L-espert fi ħdan Assoċjazzjoni Mhux Governattiva qalilna li dan hu xenarju inkwetanti ħafna u l-Istat għandu jagħmel minn kollox biex jgħin lil dawn in-nies vulnerabbli. Illum f’dan is-settur tal-vulnerabbiltà ngħaqdu wkoll dawk li għandhom in-negozju tagħhom iżda ma jistgħux jaħdmu u jaqilgħu l-għajxien ta’ kuljum.

F’dan is-settur ingħaqdu ħafna ħaddiema self-employed li kellhom rashom mistrieħa mid-dħul tagħhom għaliex setgħu jħallsu l-kirjiet u xi djun oħra li kellhom, u issa, f’daqqa waħda, sabu lilhom infushom mingħajr ebda dħul u m’għandhomx x’jagħmel tajjeb għall-obbligi tagħhom kull xahar.

Jekk l-Istat ma jgħinx b’mod konkret lil dawn in-nies f’diffikultà – u din il-faxxa ta’ nies tammonta għal eluf ta’ individwi u familji – allura l-pajjiż b’mod inġenerali se jkun qed jgħaddi minn żminijiet ferm diffiċli fis-snin li ġejjin.

“Il-faqar trid tilqagħlu mill-bidunett tiegħu. Kif ifeġġ każ wieħed biss l-Istat għandu jintervjeni għax minn wieħed nispiċċaw b’aktar. Aħseb u ara meta għandek eluf ta’ familji li jinsabu fil-periklu li jaqgħu lura.”