Lokali

Rapport qarrieqi mill-media Laburista – PN

Il-Partit Nazzjonalista qatt ma għamel l-iċken attakk ta’ ebda tip kontra l-Fozi Armati ta’ Malta li anzi jsellmilhom għall-impenn u ħidma bla heda min-naħa tagħhom speċjalment f’dan il-mument mill-aktar sensittiv u delikat għall-poplu kollu.

Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-appell li għamel fl-istqarrija tiegħu maħruġa aktar kmieni llum biex il-Gvern jimxi mal-obbligi internazzjonali kollha tiegħu, speċjalment għall-ħarsien tal-aktar vulnerabbli. Jekk dan ma jsirx, ir-responsabbiltà għandha tinġar biss fil-livell politiku.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jfakkar ukoll fl-appell li għamel u li se jkompli jagħmel favur il-konverġenza u għaqda nazzjonali, u dan jista’ jintlaħaq jekk il-Prim Ministru jibda bis-serjetà jikkonsulta mal-Oppożizzjoni kif għandu jiġri f’pajjiż demokratiku, aktar u aktar meta l-poplu Malti bħalissa qed ikun mitlub jagħmel dawn is-sagrifiċċji kollha minħabba fis-sitwazzjoni serja li ninsabu fiha.

Għalhekk l-aħbar imxandra minn ONE NEWS għanda biss l-iskop li tipprova toħloq il-firda flok ma tgħin biex ikun hemm il-konverġenza nazzjonali kif irid il-Partit Nazzjonalista.