Lokali

Sejħa biex il-Gvern isalva t-trabi u t-tfal – PN

F’dak li seħħ u għadu jseħħ f’dawn s-sigħat huwa ċar li l-Gvern qed ifalli fis-settur tal-immigrazzjoni. Tilef il-kontroll tas-sitwazzjoni u kull ġurnata qed turi li ma ħasibx għal dak li kien inevitabbilment ġej fuqna lkoll. Sinjal ta’ nuqqas ta’ preparazzjoni u ta’ teħid tad-deċizjonijiet it-tajba. Gvern li tilef ir-rotta, ġurnata jgħid ħaga u l-għada jidher il-Prim Ministru jgħid kompletament l-kontra.

Diġa tkellimna dwar iċ-ċentri ta’ detenzjoni fejn jinsabu ‘l fuq minn elf  ruħ mit-tlett elef u ħames mitt persuna li diġà waslu f’pożizzjoni diffiċli għalihom u għall-komunità tagħna. Il-Gvern qiegħed juri bil-fatti li ma ħaseb xejn u hemm illum stat ta’ lockdown fejn dik li kienet klinika normali qed tipprova titpinġa bħala sptar għal dawn l-persuni. Issa wkoll rigward l-ammont ta’ persuni li qed jaslu f’pajjiżna bil-baħar, il-Gvern kien jaf li għandu obbligi umanitarji internazzjonali li jrid jiffaċċja, kien jaf li se jsib ruħu f’din il-pożizzjoni u għalihom ma għamel xejn, ma ppreparax ruħu. Dawn huma sfidi li jridu jkunu affrontati minn Gvern serju u dan ma jsirx billi tiċħad l-għajnuna lil trabi u tfal jew agħar minn hekk billi jħalli uffiċjal pubbliku fi ħdanu jgħidilna li għandna ngħarrqu d-dgħajjes tagħhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal David Agius, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, il- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri Carmelo Mifsud Bonnici u l- Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew u MEP Roberta Metsola stqarrew li kif aħna nimxu fil-konfront tal-iktar persuni vulnerabbli huwa dak li jiddistingwina bħala poplu.  Bħala poplu Malti tajna l-akbar sehem tagħna fil-gwerer u fl-assedji, u qatt ma tlifna is-sens ta’ umanità fina, li nħallu mqar tarbija jew tifel wieħed fil-periklu jkun ifisser li morna fil-qiegħ u tlifna l-vera identità tagħna bħala poplu. Għalhekk il-Partit Nazzjonalista jagħmel sejħa lill-Gvern biex isalva l-vulnerabbli, b’mod partikolari biex isalva t-trabi, t-tfal u nisa fi tqala li jinsabu f’periklu serju.

L-Oppożizzjoni f’dawn il-jiem u f’ta’ qabel offriet diversi drabi l-id tal-koperazzjoni u qbil nazzjonali imma kull darba din kienet rifjutata. Jekk il-Gvern irid tassew il-konverġenza u l-għaqda nazzjonali, ma jistax jibqa’ jirrifjuta bl-aktar mod arroganti li jikkonsulta b’mod serju u sinċier mal-Oppożizzjoni. Irridu b’mod partikolari naħdmu flimkien biex fl-istrutturi Ewropej u internazzjonali jkun hemm mekkaniżmi veri u reali ta’ solidarjetà għax l-immigrazzjoni tolqot lill-komunità internazzjonali kollha, barra minn hekk irridu bis-serjetà niġġieldu kontra l-kriminalità li tinkludi t-traffikar tal-waħx li qed isir ta’ persuni vulnerabbli.

L-Oppożizzjoni għalhekk tappella għal sens ta’ tmexxija serja u konsistenti sabiex jittieħdu d-deċizjonijiet t-tajba fl-interess nazzjonali li jrid tassew jiġi mħares filwaqt li ma nitilfux mill-valuri tagħna u nispiċċaw bid-demm tal-innoċenti fuq idejna.