Lokali

AĠĠORNATA: Sewwieq ta’ mutur imut fl-Imrieħel

Alex Borg ta’ 38 sena minn San Ġwann huwa r-raġel li sfortunatament tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi.

L-inċident seħħ għall-ħabta ta’ nofsinhar meta l-Pulizija ġew infurmati li seħħet ħabta fil-bypass tal-Imrieħel, Ħal Qormi, u kien hemm persuna li kellha bżonn l-assistenza medika.

Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li seħħet ħabta bejn mutur tat-tip Suzuki GSX misjuq minn raġel ta’ 38 sena residenti San Ġwann u vettura tat-tip Toyota Aygo misjuqa minn raġel ta’ 26 sena residenti Ħal Lija.

Ir-raġel sfortunatament ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Alex Borg, li kien magħruf bil-laqam ta’ Ċoqqos, kien dilettant kbir tal-muturi, kif jixhdu għadd kbir ta’ ritratti fuq il-midja soċjali.

Diversi kienu dawk li fuq il-media soċjali sellmu l-memorja ta’ Alex fejn iddeskrivewh bħala persuna b’qalb tad-deheb.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Josette Demicoli, li ordnat li ssir inkjesta u ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.

L-investigazzjonijiet dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin u qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.