Internazzjonali

Żviluppi tal-pandemija madwar id-dinja…

Iżrael: Il-Festa tal-Għid hi ċelebrata mill-kristjani madwar id-dinja bħala r-rebħa ta’ Ġesu fuq il-mewt, iżda – b’konsegwenza tal-coronavirus – is-sit, f’Ġerusalemm, fejn Kristu kien issallab fuq is-salib (qabel il-qawmien tiegħu) spiċċa magħluq għal Ħadd il-Għid, għall-ewwel darba f’aktar minn seklu.

Kien hemm biss numru żgħir ta’ qassisin miġburin fil-Knisja tas-Sepulkru Mqaddes, bi ftit devoti jidhru fil-bitħa ta’ ġewwa. Il-belt antika ta’ Ġerusalemm baqgħet vojta min-nies meta l-awtoritajiet Iżraeljani qed jinsistu bil-miżuri stretti ta’ social distancing.

Spanja: L-ammont tal-imwiet mill-coronavirus fi Spanja żdied b’aktar minn mija — bl-aħħar statistika twaqqaf is-sensiela pożittiva tat-tlett ijiem preċedenti, fejn in-numri tal-vittmi dehru qed jonqsu. Il-Ministeru tas-Saħħa f’Madrid, fl-aħħar sigħat, irrapporta 619-il mewta ġdida ( ‘il fuq mill-510 tas-Sibt) – bl-imwiet totali mill-virus fi Spanja jitilgħu minn 16,353 għal 16,972.

Ir-Renju Unit: Dan il-pajjiż x’aktarx li jispiċċa fost l-agħar – jekk mhux l-agħar wieħed – tal-pajjiżi li qed iġarrbu l-impatt tal-coronavirus. Dan qalu Sir Jeremy Farrar, id-direttur tal-Wellcome Trust, u li għalih, din is-sitwazzjoni għandha tkun dovuta għal ‘nuqqas ta’ testijiet u tracing’.

Farrar – li hu membru tal-Grupp tal-Konsulenti Xjentifiċi għal waqt Emerġenzi li jagħti l-pariri lill-Gvern Britanniku – wissa li ‘x’aktarx huma inevitabbli t-tieni jew tielet mewġa tal-Covid-19’ u li l-unika triq ‘il barra mill-kriżi għandha tasal permezz ta’ tilqima effettiva….

Sadanittant, l-imwiet mill-coronavirus fir-Renju Unit mistennija jaqbżu l-10,000 ladarba joħorġu ċ-ċifri għallum.

L-Awstralja: Żewġ sptarijiet fl-Istat ta’ Tasmania se jkollhom jagħlqu għal ġimgħatejn minħabba r-rata għolja ta’ infezzjonijiet fost il-membri tal-istaff. ‘Il fuq minn 1,000 ħaddiem fin-North West Regional Hospital u n-North West Private Hospital se jmorru fi kwarantina, skont ma’ ħabbar il-Prim Ministru ta’ Tasmania, Peter Gutwein. Dan l-Istat partikulari għandu 133 każ ta’ Covid-19, b’talanqas ħamsin każ ikunu marbuta mal-epidemija ġewwa l-isptarijiet.